10 Spartans iżommu sal-aħħar u jikkwalifikaw għat-tielet rawnd
Uros Djuranovic jiskurja; jitkeċċa ftit minuti wara
Bdew għal Ħamrun Spartans: Federico Marchetti; Joseph Mbong, Steve Borg, Emerson Marcelina, Ognjen Bjelicic, Ryan Camenzuli; Elionay, Roko Prsa, Eder; Uros Djuranovic, Seth Paintsil
Bdew għal Dinamo Tbilisi: Giorgi Loria; Aleksandre Kalandadze, Daviti Kabouri, Saba Khvadagiani, Giorgi Maisuradze; Anzor Mekvabishvili, Imran Omar; Barnes Osei; Giorgi Kharaishvili, Ousmane Camara, Zoran Marusic
F'logħba fejn draw kienet biżżejjed sabiex l-Ispartans jimxu għar-rawnd li jmiss, wara rebħa ta’ 2-1 fl-ewwel logħba li ntlagħbet f’Malta, l-oppożizzjoni ħarġet bit-tir li tagħmel l-almu tagħha biex dan ma jseħħx.
Fl-ewwel 45 minuta, Tbilisi gawdew 75% tal-pussess, u rreġistraw 7 xuttijiet b’tlieta minnhom lejn il-lasta. Madanakollu, il-goalkeeper Marchetti kien pront u ma kienx megħlub.
Il-gowl li ddeċieda l-partita ġie fil-ħin żejjed tal-ewwel taqsima, kontra x-xejra tal-logħob. Dan hekk kif Eder rebaħ il-pussess wara li ppressa tajjeb lil Maisuradze, u qassam il-ballun mal-linja lil Paintsil. Dan tefa’ kross preċiż li sab lil Djuranovic żmarkat f’tarf il-kaxxa ż-żgħira, li kkonkluda b’xutt b’saħħtu u preċiż fit-tarf tal-lasta.
L-istess Djuranovic kellu l-lejl tiegħu tterminat kmieni, hekk kif ftit minuti wara tkeċċa bejn it-taqsimiet, wara konfrontazzjoni bejnu u l-kowċ ta’ Dinamo Tbilisi Giorgi Chiabrishvili.
B’hekk, Hamrun lagħbu it-tieni taqsima sħiħa b’għaxart iplejer. L-oppożizzjoni kellha 65% tal-pussess f’din it-taqsima, u rreġistraw 12-il xutt ieħor, iżda tlieta biss kienu lejn il-lasta.
It-tim Ħamruniż wera qlubija kbira u żamm sod sal-aħħar, sabiex il-logħba ntemmet bl-iskor ta’ 1-0, u b’hekk ikkwalifikaw għat-tielet rawnd ta’ kwalifikazzjoni.
F’dan ir-rawnd se jaffrontaw il-qawwa mill-Ungerija Ferencvaros, li s-sena l-oħra waslu sal-aħħar 16 tal-UEFA Europa League.
L-ewwel partita se titlagħab fl-17 t’Awwissu fl-Ungerija, fis-7 p.m.