Plejer taċ-ċess Malti bil-fidda f’turnew fl-Italja

Adam Buckle jikseb it-tieni post f’Kategorija D tar-Regina Degli Scacchi

Adam Buckle, ta’ 22 sena, ġie fit-tieni post fil-kategorija tiegħu fir-Regina Degli Scacchi, turnew internazzjonali taċ-ċess .

Dan it-turnew ittella’ bejn it-28 u t-30 ta’ Lulju, f’Ruma. Il-kontestanti kellhom tlett ijiem ta’ logħob, fejn jumejn minnhom lagħbu żewġ logħbiet u ġurnata oħra waħda, b’medja ta’ 4 sigħat kull logħba.

Buckle ikkompeta fil-kategorija D, kategorija miftuħa għal kull plejer li għandu klassifikazzjoni ta’ anqas minn 1,500 mill-Federazzjoni Internazzjonali taċ-Ċess (FIDE). 46 plejer taċ-ċess ikkompeta f’din il-kategorija.

Buckle lagħab 5 logħbiet, fejn rebaħ 4, bl-oħra tintemm f’parità. B’hekk, kiseb 4.5 punti. Dan poġġieħ livell ma’ Alexandra Ceruta, mill-Moldova, li ġiet fl-ewwel post minħabba r-regoli ta’ kif jiġu klassifikati l-plejers f’każ ta’ parità.

It-trofej ġew ippreżentati minn Luigi Maggi, il-President tal-Federazzjoni taċ-Ċess Taljana.

Buckle jilgħab iċ-ċess kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment, u huwa mħarreġ minn Peter Sammut Briffa. Hu kiteb fuq il-midja soċjali sabiex jirringrazzja l-organizzaturi u l-parteċipanti kollha l-oħra, kif ukoll lill-kowċ tiegħu talli jgħinu sabiex jilħaq il-quċċata tal-potenzjal tiegħu.

More in Lokali