Jintemmu l-kampanji fl-Ewropa għat-timijiet lokali kollha
Hamrun Spartans u Gzira United eliminati minn żewġ ġganti Ewropej
Mill-logħob ta’ kwalifikazzjoni għall-UEFA Conference League li ntlagħbu lbieraħ, il-Ħamis 17 t’Awwissu, żewġ timijiet Maltin kellhom bżonn żewġ mirakli sabiex jgħaddu għall-fażi li jmiss. Hamrun Spartans affaċċjaw lil Ferencvaros barra minn darhom, fejn kellhom bżonn rebħa b’distakk ta’ ħames gowls sabiex imqar imorru għall-ħin addizzjonali. Gzira United iltaqgħu ma’ Viktoria Plzen ġewwa s-Centenary Stadium, fejn kellhom bżonn rebħa ta’ erba’ gowls distakk sabiex ikollhom tama li javvanzaw.
Ferencvaros v Hamrun Spartans
Bdew għal Ferencvaros: Adam Varga; Harry Wingo, Ibrahim Cisse, Mats Knoester, Lorand Paszka; Tokmac Chol Nguen, David Siger, Mohammad Abu Fani; Adama Traore, Barnabas Varga, Kristoffer Zachariassen
Bdew għal Ħamrun Spartans: Federico Marchetti; Joseph Mbong, Karlo Bilic, Emerson Marcelina, Ognjen Bjelicic; Juan Corbolan, Elionay, Nemanja Krstic, Yuliyan Nenov; Luke Montebello, Seth Paintsil
Il-Ħamruniżi kellhom bidu ta’ partita promettenti, hekk kif fetħu l-iskor fis-sitt minuta ta’ logħob. Dan wara li Luke Montebello sab l-ispazzju fil-ġemb tal-kaxxa, minn fejn tefa’ kross għall-kaxxa żgħira li sab li Mbong f’tarf il-kaxxa ż-żgħira li ma żballjax minn sitt metri bogħod.
Madanakollu, dan kien l-unika xutt lejn il-lasta li rreġistraw l-Ispartans tul il-partita kollha, hekk kif l-oppożizzjoni ddominat għalkollox il-partita, b’63% tal-pussess. Fil-41 minuta, Adama Traore skurja l-gowl ta’ parità għall-Ungeriżi. Fid-69 minuta, kien Varga, il-plejer li skurja 3 gowls fil-logħba preċedenti, li reġa’ naqqax ismu fil-lista ta’ min skurja, biex b’hekk Ferencvaros ħadu l-vantaġġ.
Il-partita ntemmet bl-isor ta’ 2-1 kontra Hamrun Spartans hekk kif sfaw eliminati.
Gzira United v Victoria Plzen
Bdew għal Gzira United: David Cassar; Marcelo Dias, Gabriel Mentz, Thiaguinho, Carlos Chaba; Andy Borg, Zachary Scerri, Farid Romero; Brooklyn Borg, Macula, Luis Riascos
Bdew għal Viktoria Plzen: Martin Jedlicka; Rebolledo, Vaclav Jemelka, Robin Hranac, Libor Holik; Benjamin Traore, Jan Paluska, Lukas Kalvach; Adam Vikanova, Pavel Sulc, Jan Kliment
Fl-ewwel taqsima ta’ din il-partita, Gzira dehru ferm aħjar mill-ġimgħa ta’ qabel wara li l-oppożizzjoni wettqet xejn anqas minn 9 bidliet. It-tim Malti gawda 49% tal-pussess, filwaqt li rreġistra żewġ xuttijiet lejn il-lasta kontra t-tlieta ta’ Plzen. 45 minuta ta’ logħob ibbilanċjat intemm biż-żewġ timijiet jidħlu għall-ħin tal-mistrieħ bl-iskor ta’ 0-0.
L-istatistiċi tat-tieni taqsima kienu simili ħafna, hekk kif it-tim Malti reġa kellu 49% tal-pussess, waqt li rreġistra xutt wieħed lejn il-lasta, kontra t-tlieta tal-oppożizzjoni. Madanakollu, l-oppożizzjoni kkonkludiet kemmxejn aħjar, b’gowls minn Traore fis-47 minuta u Vikanova fis-70 minuta jiddeterminaw il-partita li ntemmet bl-iskor ta’ 2-0 favur it-tim mir-Repubblika Ċeka.
B’hekk, Gzira United sfaw eliminati ukoll u spiċċaw il-kampanji fl-Ewropa għat-timijiet lokal kollha għal din is-sena.