Bil-filmat: Malta tegħleb lil Ġibiltà f’logħba ta’ ħbiberija
Joseph Mbong jiskurja gowl fenomenali għat-tim Malti
L-Erbgħa 6 t’Awwissu, it-tim nazzjonali Malti affaċċja lin-nazzjon ċkejken ta’ Ġibiltà f’logħba ta’ ħbiberija fil-Millenium Stadium f’Ta’ Qali.
Bdew għal Malta: Henry Bonello; Kurt Shaw, Enrico Pepe, Steve Borg; Joseph Mbong, Matthew Guillaumier, Bjorn Kristensen, Jodi Jones, Ryan Camenzuli; Luke Montebello, Jurgen Degabriele
Bdew għal Ġibiltà: Dayle Coleing; Bernardo Lopes. Roy Chipolina, Niels Hartman, Jack Sergeant; Aymen Mouelhi, Ethan Britto, Kian Ronan; Liam Walker, Nicholas Pozo, Tjay De Barr
It-tim Malti wera s-superjorità tiegħu hekk kif iddomina l-partita, anke meta wieħed jikkunsidra li plejers ewlenin bħal ma huwa Teddy Teuma tħallew barra mill-ewwel 11.
Tul il-partita kollha, it-tim Malti kellu 11-il xutt, b’sitta minnhom ikunu lejn il-lasta avversarja. Minn naħa l-oħra, l-oppożizzjoni kellha biss tnejn, b’wieħed minnhom biss ikun indirizzat lejn il-lasta ta’ Bonello, li salva ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima.
Il-gowl tar-rebħa wasal fit-58 minuta, hekk kif clearance mid-difiża ta’ Ġibiltà mar lejn id-direzzjoni ta’ Mbong li kien eżatt barra mill-kaxxa. Il-plejer Malti ma żballjax, hekk kif niżżel tajjeb b’sidru, u sab ir-rokkna ta’ fuq tax-xibka f’xutt fenomenali.