Ħames dgħajjes jegħrqu waqt waħda mit-tiġrijiet tar-Regatta
Bormla triomfanti, bl-opra tagħhom tegħreq ftit sekondi wara t-tmiem, wara sforz enormi mill-qaddiefa
Hekk kif ir-Regatta tal-Vittorja qed tittella’ kundizzjonijiet tat-temp kemmxejn ħorox, għerqu ħames minn sitt opri waqt prestazzjoni determinata waqt it-tiġrija ta’ Kategorija A tad-Dgħajjes tal-Midalji.
Din kienet ħasra kbira, partikolarment meta wieħed jikkunsidra li uħud minn dawn kienu ġodda.
Kienet l-opra tal-Isla li bdiet tieħu l-ilma l-ewwel, madwar il-marka tat-300 metru. Warajha segwiet ukoll l-opra tal-Marsa, biż-żewġ dgħajjes jgħerqu u ma jkunux jistgħu jaslu sa’ tmiem it-tellieqa. Dik tas-Siġġiewi ukoll ma rnexxilhiex tasal.
Minn naħa l-oħra, battalja eċitanti kienet għaddejja fil-quċċata tal-klassifika hekk kif Bormla u l-Birgu kienu f’taqtiegħa kkumbattuta għall-ewwel post.
Il-qaddiefa ta’ Bormla affaċċjaw ostakli mhux mistennija, hekk kif deher li kien qed jidħol ammont sinifikanti ta’ ilma fl-opra tagħhom. Minn naħa l-oħra, dawk tal-Birgu ħadu l-opportunita sabiex jiprovaw jagħmlu avvanzi u jiksbu l-ewwel post.
It-tim ta’ Bormla ġie nkurunat rebbieħ, hekk kif bi sforz liema bħalu, irnexxielu jidħol fl-ewwel post b’vantaġġ ta’ nofs tul ta’ dgħajsa. Sfortunatament, l-opra tagħhom kien daħlilha wisq ilma u għerqet ftit sekondi wara. Warajha segwit dik tal-Birgu, li għerqet ukoll ftit sekondi wara t-tmiem. Fit-tielet post daħal it-tim ta’ Marsamxett.
Maximilian Mamo, Clive Casha, Dennis Thornton u Romario Brignone rrappreżentaw lil Bormla.
Owen Zammit, Antoine Brignone, Wayne Xuereb u Sven rrappreżentaw lill-Birgu.
Axel Degiorgio, Lawrence Ciantar, Shylon Gauci u Yannick Pace rrappreżentaw lil Marsamxett.