Bil-filmat: Malta b'rebħa fid-debutt fin-Nations League
il-gowl tar-rebħa wasal fit-83 minuta minn Haley Bugeja
It-tim nazzjonali Malti tan-Nisa kellu debutt memorabbli fin-Nations League, hekk kif beda l-kampjonat b’rebħa ta’ 1-0 kontra l-Latvja. Il-logħba ntlagħbet il-Ġimgħa 22 ta’ Settembru f’Jurmala, u kienet immexxija mir-referee Belġjana Jana Van Leare.
Bdew għall-Latvja: E. Vaivode, S. Garanca, A. Flakse, A. Rocane, P. Linina, V. Zaicikova, A. Gornela, D. Suvitra, K. Miksone, O. Sevcova, A. Poluhovica
Bdew għal Malta: J. Xuereb, A.M. Said, E. Lipman, C. Zammit, E. Xuereb, R. Cuschieri, N. Sciberras, S. Zammit, M. Farrugia, H. Bugeja, R. Giusti
It-tim Malti ħareġ bi grinta u seta’ ħa l-vantaġġ kmieni, hekk kif xutt ta’ Shona Zammit fis-seba’ minuta wara li għamlet ġirja fl-ispazzju ġie milqugħ mill-goalkeeper oppost.
Il-Latvja ġew viċin li jmorru fil-vantaġġ ftit minuti wara, meta xutt mill-viċin ta’ Zaikcikova rrikjeda save brillanti minn Janice Xuereb sabiex tinżamm il-parita.
Minn hemm, it-tim Malti deher xi ftit inferjuri ħdejn l-oppożizzjoni, b’Zaikcikova u Miksone jkunu perikolużi diversi drabi. Madankollu, it-timijiet daħlu għall-ħin tal-mistrieħ bl-iskor ta’ 0-0.
Mat-tisfira li indikat il-bidu tat-tieni taqsima, il-Latvja reġgħu bdew bir-ritmu li spiċċaw bih. Fis-57 minuta, kellhom jieħdu l-vantaġġ meta xutt ta’ Sevcova għeleb għalkollox lil Xuereb iżda ħabbar mal-lasta.
L-ewwel ċans tajjeb ta’ Malta ġie fil-71 minuta, meta Emma Xuereb sabet lill-attakkanta ta’ Inter Haley Bugeja, iżda x-xutt ta’ Bugeja mar barra minn ftit metri bogħod.
Fis-76 minuta, Xuereb reġgħet kienet impenjata minn xutt ta’ Sevcova, iżda irnexxielha żżomm it-tim tagħha milli jmur minn taħt.
It-tim Malti skurja l-gowl tar-rebħa fit-83 minuta, meta kross ta’ Rachel Cuschieri sab lil Haley Bugeja, li din id-darba ma ħafrithiex lill-oppożizzjoni u tefgħet il-ballun fix-xibka.