Steve Camilleri jirbaħ il-100 metru għat-tieni sena

Steve Camilleri jippoża mal-ħin li ksieb fil-fianli tal-100 metru - dak ta’ 10.82 sekondi
Steve Camilleri jippoża mal-ħin li ksieb fil-fianli tal-100 metru - dak ta’ 10.82 sekondi

Kien propju s-sena li għaddiet, 2013 li Steve Camilleri rebaħ l-ewwel darba t- titlu ta’ champion nazzjonali tal-100 metru u wara staġun mill-isbaħ, ħass li għandu jagħti iżjed f’dan l-isport. Wara rijabilitazzjoni ta’ injury li kienet qiegħda żżommu milli jitħarreġ kif jixtieq, beda l-fażi tat-taħriġ fejn l-atleti jaħdmu biex jiġu fil-forma. Steve ddeċieda li jżid it-taħriġ tiegħu għal anki darbtejn kuljum, fejn kien qiegħed ukoll fl-aħħar sena universitarja tiegħu.
L-istaġun tax-xitwa kien wieħed pożittiv ferm, fejn Steve tejjeb il-ħin personali tiegħu b’mod drastiku kif ukoll irreġistra l-aħjar ħin mill-Maltin fl-istaġun 2014.
Il-preparazzjoni tal-istaġun tas-sajf, fejn l-atleti jiġru d-dixxiplina favorita tiegħu, dik tal-100 metru, bdiet propju b’taħriġ ġewwa Ċipru. Dan kin grazzi għall-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) li taw lil Steve l-iskema bronż bħala wieħed mill-atleti elit ta’ Malta.
Mar-ritorn tat-taħriġ tiegħu f’Malta, Steve ġibed muskolu li żammu tliet ġimgħat ma jiġrix. Huwa pprova jżomm fiżikament attiv kif seta’ u għalhekk ma kinitx faċli li jirritorna għall-forma li kien fiha. Iżda huwa ħadem kemm seta’ biex jiġi lura b’saħħtu.
L-ewwel kompetizzjoni tiegħu kienet proprju kompetizjoni internazzjonali ġo pajjiżna, fejn spiċċa t-tieni overall, u l-ewwel Malti. Dan xprunah biex ikompli jaħdem. Ftit tal-ġimgħat wara, l-istess f’pajjiżna reġa’ nieżel għall-ewwel darba taħt il-11-il sekonda fl-istaġun 2014, b’ħin ta’ 10.91 sekondi. Dan kien ir-raba’ l-aqwa ħin personali ta’ kull żmien.
Fil-ġimgħa ta’ wara ħa sehem f’kompetizzjoni fl-Italja, fejn ikklassifika fit-tielet pożizzjoni, f’ħin ta’ 10.93 sekondi. Dan kien biss ġimgħa qabel il-Kampjonati Nazzjonali ta’ Malta.
Għall-Kampjonati Nazzjonali ta’ Malta, għall-ewwel darba f’pajjiżna, rajna sistema fejn il-100 metru kienet maqsuma f’heats, fejn l-aqwa erba’ riżultati minn żewġ heats kellhom jgħaddu għall-finali. Steve kklassifika l-ewwel fil-heat tiegħu f’ħin ta’ 11.09 sekondi, liema ħin poġġieh bħala t-tielet l-aqwa ħin, propju għaliex Jeandre Mallia kif ukoll Luke Bezzina ġrew ħin iktar veloċi minnu fil-heats l-oħra. Mentalment u fiżikament Steve kien lest għall-finali.
Sagħtejn wara, fil-finali, Steve kien ikkonċentrat ħafna u fl-ispatatura tal- istarter kien veloċi biex jieħu postu fuq quddiem u daħal l-ewwel b’ħin u rekord personali ta’ 10.80 sekondi.
Dan huwa riżultat pożittiv personali fejn wara l-Kampjonati Nazzjonali, Steve se jkun qed jieħu sehem fil-Kampjonati Nazzjonali tat-timijiet tal-atletika ġewwa Georgia flimkien mat-tim nazzjonali tal-atletika.
Din mhix l-unika tellieqa li fadallu Steve. Dan hekk kif fil-ġimgħa ta’ wara se jkun qed itellaq f’kompetizzjoni ġewwa Sofia fil-Bulgarija f’European Classic Meet li ġie mistieden għalih. Barra dawn il-kompetizzjonijiet Steve għandu kompetizzjonijiet oħrajn ġewwa l-Italja, l-iSvizzera u Malta fost l-oħrajn.
Dawn il-kompetizjonijiet għandhom jagħtu spinta lil Steve biex itejjeb il-ħin tiegħu, kif ukoll ituh iżjed esperjenza għas-sena 2015, fejn se nkun qed jipprepara għal kompetizzjonijiet kbar, fosthom il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar ġewwa l-Islanda, il-Logħob tal-Universitajiet ġewwa l-Korea ta’ Isfel kif ukoll l-Kampjonati tat-Timijiet Ewropej tal-Atletika ġewwa l-Azerbaijan.

More in Sports