Suċċess għat-turnament internazzjonali tal-UEFA ta’ taħt is-17-il sena
Hekk kif nhar l-Erbgħa ntemm il-Kampjonat Internazzjonali ta’ taħt is-17-il sena organizzat mill-UEFA u li ntrebaħ mill-Ingilterra, żgur li dan it-turnament għamel reklam kbir għal pajjiżna grazzi għal ħidma sfieqa ta’ diversi nies fosthom tal-MFA mmexxija mid-duo ħabrieki Norman Darmanin Demajo u Bjorn Vassallo.
Dan kollu ġie rifless fi kliem Bjorn Vassallo, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Football Association, u ċ-Ċermen tal-Kumitat Lokali Organizzattiv, li wera sodisfazzjon kbir bl-attendenzi li kellu l-UEFA Under-17 Championship li sar f’pajjiżna, waqt konferenza stampa li saret ftit tal-jiem ilu.
Vassallo żvela kif il-kampanja ‘Reach Out’ irnexxiet bil-kbir u żvela li n-numru ta’ spettaturi li żaru l-istadiums miss l-40,000, li jfissru 10 % tal-poplu Malti bil-partiti li l-aktar kellhom nies kienu dawk meta lagħab it-tim nazzjonali Malti.
“In-numri kienu eċċezzjonali. Qatt ma kellna kampanja li rnexxiet daqshekk. Dan kien mod eżemplari ta’ kif l-MFA qiegħda tibni kuntatt bejn il-futbol u ż-żgħażagħ f’pajjiżna biex dawn tal-aħħar isaħħu s-sens ta’ mħabba lejn il-kuluri nazzjonali tagħna. Il-kburija lejn it-tim nazzjonali tagħna qiegħda tikber ta’ kuljum. Ħadt gost nara tfal ixejru l-bnadar ta’ Malta. Kien ta’ reklam pożittiv għal pajjiżna.”
Joe Cassar, id-Direttur tat-Tournament, spjega kif l-uffiċjali tal-UEFA wrew sodisfazzjon kbir bl-andament tat-turnament. Qal li kollox mexa għall-perfezzjoni u kif kien ippjanat anki jekk għall-ewwel darba f’Malta saru żewġ partiti internazzjonali fl-istess ħin. Norman Saliba, Kap tat-Taqsima Marketing tal-MFA, ukoll wera sodisfazzjon kbir f’dan is-suċċess.
“Kellna 82 skola, 46 nursery tal-futbol u 25 kunsill lokali li organizzaw gruppi ta’ spettaturi għal dawn il-partiti. 54 skola pparteċipaw fil-proġett edukattiv. Aktar minn 400 resident taċ-ċentri miftuħa bbenefikaw minn din il-kampanja, kif ukoll għamlu ’l fuq minn 1,100 student mill-Università ta’ Malta, tal-Junior College u mill-MCAST.”
Saliba żied li “kienet ix-xewqa li naraw aktar konkorrenza minn għaqdiet sportivi oħra mhux relatati mal-futbol, għaqdiet tal-lajċi u għaqdiet filantropiċi oħra, kif ukoll mill-pubbliku inġenerali, l-aktar fil-logħbiet li fihom ma kienx involut it-tim Malti.”
Finalment Saliba għalaq billi qal li “apparti mill-inċentivi li kellna biex nilħqu dawn il-figuri, naħseb illi l-akbar benefiċċju li se nieħdu minn din huwa l-fatt illi tajna togħma lil ħafna żgħażagħ Maltin, li għalihom din probabbli kienet l-ewwel esperjenza tagħhom, ta’ xi tfisser atmosfera waqt festa tal-futbol. Atmosfera li jkunu parteċipi fiha u li jkunu ħolquha huma stess.”