La Salle jirbħu kollox għal tliet staġuni konsekuttivi
La Salle Handball Clubv itemmu l-istaġun tagħhom fuq nota pożittiva u jirbħu n-knockout fil-kategoriji tan-nisa u tal-irġiel.
Fl-ewwel finali, La Salle ZT Developments iltaqgħu maċ-champions il-ġodda Aloysians Żmerċ fil-kategorija tan-nisa. Għalkemm kienu qed igawdu vantaġġ ta’ 6 gowls,
La Salle żammew vantaġġ minimu ta’ żewġ gowls sa tmiem l-ewwel taqsima. Fit-tieni taqsima, Aloysians għamlu rimonta tajba u saħansitra ħadu vantaġġ ta’ żewġ gowls. Hekk kif deher li se jieħdu d-double, kienet l-esperjenza ta’ La Salle li għamlet id-differenza hekk kif it-tim immexxi minn John Falzon dawwar ir-riżultat favorih biex għeleb liċ-champions il-ġodda 25-20.
Fil-finali tal-irġiel, La Salle BHS iltaqgħu ma’ Luxol. L-ewwel taqsima rat logħob b’ritmu mgħaġġel fejn Luxol żammew tajjeb kontra ċ-champions renjanti La Salle, iżda dawn xorta kellhom vantaġġ sa tmiem l-ewwel taqsima. Minkejja n-nuqqas tal-plejer kowċ Kristjan Olschleger, La Salle kienu f’forma mill-aqwa fit-tieni taqsima u rnexxielhom jirbħu t-12-il trofew konsekuttiv fil-kategorija tal-irġiel meta għelbu lil Luxol 35-24. B’din ir-rebħa, La Salle kitbu paġna ġdida fl-istorja tal-handball Malti fejn saru l-ewwel tim li rebħu kull trofew offrut mill-Malta Handball Association għal tliet staġuni konsekuttivi.