Biżżejjed eżami mediku kull sentejn?
L-attakkant ta’ Marsa li miet din il-ġimgħa kien biss xhur ’l bogħod milli jagħmel eżami mediku ieħor
Basil Chibueze, l-attakkant Niġerjan tal-Marsa FC li miet għal għarrieda aktar kmieni din il-ġimgħa, kellu l-permessi mediċi meħtieġa biex jilgħab u kien imissu jerġa’ jagħmel it-testijiet f’Diċembru li ġej, ILLUM tista’ tikkonferma.
Chibueze ħasad ix-xena tal-futbol lokali meta t-Tnejn filgħaxija kellu jiddaħħal l-isptar wara li ħassu ma jiflaħx waqt li kien qed jiġġogja, u tilef ħajtu ftit wara. Hu kellu biss 24 sena.
Biex jiġu evitati każijiet simili, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) – kif isir madwar id-dinja kollha – jitolbu li kull plejer jagħmel test mediku darba kull sentejn.
Fid-dawl tal-mewt ta’ Chibueze kienu bosta li saqsew jekk eżami mediku darba kull sentejn kienx biżżejjed, iżda ILLUM tista’ tikkonferma li kienu l-klabbs stess li fil-passat kienu qablu li għandu jsir kull sentejn. Chibueze kien biss ftit xhur ’l bogħod milli jagħmel test ieħor.
Jidher li r-raġuni tal-klabbs kienet medika-ekonomika, fost l-oħrajn minħabba l-ispejjeż tat-test anke jekk dan ikun sussidjat mill-MFA.
It-test, li jinkludi ECG (Electrocardiogram) jiffoka fuq l-attività tal-qalb u jara jekk hemmx problemi. It-test hu obbligatorju u min ma jagħmlux jiġi sospiż.
Iżda wħud mill-plejers li tkellmu ma’ ILLUM esprimew ix-xettiċiżmu tagħhom fuq kemm dan it-test hu wieħed effettiv. Huma ddeskrivew dan it-test bħala “bażiku” u “mhux dejjem preċiż.” Huma sostnew ukoll li l-ECG jagħmel test tas-sitwazzjoni kurrenti tal-qalb u b’hekk ma jarax problemi futuri li jistgħu jiżviluppaw.
Madankollu dan ġie miċħud mill-ogħla uffiċjal mediku fi ħdan l-MFA li sostna li dawn l-opinjonijiet mhumiex veritieri.
“L-ebda screening mhu perfett u bħal testijiet oħra l-ECG mhux dejjem turi kollox. Iżda l-ECG jagħti indikazzjoni tajba ħafna jekk hemm xi problemi fil-qalb, u jaqbad aktar minn 85% tal-każi. Dan hu parti minn sistema rigoruża ħafna kif mitluba minn barra minn Malta,” qal Dr David Attard f’kummenti ma’ din il-gazzetta.
Tal-istess opinjoni hu Carlo Mamo, li barra li jilgħab fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti huwa wkoll segretarju tal-assoċjazzjoni tal-futbolers Maltin.
“Ixxukjati nkunu dejjem għax din mhux l-ewwel darba li ġrat. Iżda jidher li minkejja r-riċerka kollha li teżisti m’hemmx soluzzjoni f’ċertu ċirkustanzi.”
Kemm Mamo u Attard fakkru li f’pajjiżi oħra fosthom l-Ingilterra, isiru testijiet ħafna aktar frekwenti u dettaljati, u xorta kien hemm każijiet simili.
It-tabib tal-MFA David Attard spjega li l-proċedura ta’ kull sentejn tibda bi plejer li jmur jagħmel l-ECG f’Ta’ Qali jew fil-kliniċi privati. Wara li jsir dan, il-futboler imur bir-riżultat għand it-tabib tal-klabb jew tal-familja; dan iwieġeb diversi mistoqsijiet li jingħatawlu mill-MFA u jiffirma ‘clearance’ jekk jara li r-riżultat tal-ECG kien tajjeb.
Jekk l-ECG jirriżulta fin-negattiv, il-plejer ikun mitlub jagħmel aktar testijiet dettaljati li skont Attard jiswew minimu ta’ €3,000.
“It-tobba jridu jerfgħu r-responsabbiltà tal-firma tagħhom, u jaqraw l-ECG tajjeb. Wara kull logħba ta’ premier intellgħu bil-polza ħames ismijiet ta’ plejers biex niċċekkjaw li għandhom clearance regolari fejn sfortunatament, kien hemm okkażjonijiet fejn sibna li mhux kull plejer segwa dawn ir-regoli.”
F’kummenti ma’ din il-gazzetta, ir-rappreżentant tal-plejers Maltin Carlo Mamo qal li l-Assoċjazzjoni tal-plejers beħsiebha titlob laqgħa mal-MFA fil-ġimgħat li ġejjin, bit-testijiet mediċi jkunu wkoll fuq l-aġenda.
“Se naraw jekk hemmx aktar miżuri li qed jittieħdu minn pajjiżi barranin u jekk tkunx viabbli li dawn jiddaħħlu Malta wkoll,” saħaq Carlo Mamo.
Għal dan, it-tabib tal-MFA qal li iktar kienet kwistjoni ta’ fejn wieħed kellu jaqta’ linja.
Sorsi infurmati qalu lil din il-gazzetta li l-attakkant Niġerjan Chibueze kien jidher b’saħħtu. Huma sostnew li t-tnejn li għadda hu kien qed jiġġogja biex jipprepara ruħu għall-istaġun li jmiss, minkejja li l-pre season tal-Marsa FC kien skedat li jibda għal jiem li ġejjin.
Jidher li dakinhar li miet, hu kien daħal xorta għax-xogħol li kellu fil-qasam tat-trasport pubbliku.
Basil Chibueze kien meqjus bħala plejer strumentali għall-klabb tal-Marsa. Fl-aħħar staġun hu skurja 10 gowls minn 24 logħba, biex b’hekk spiċċa l-aqwa skorer tal-klabb għal dak l-istaġun. B’dawn il-gowls, Marsa rnexxielhom isalvaw bi żbrixx milli jiġu relegati għall-aħħar diviżjoni.
Fil-passat, in-Niġerjan lagħab ukoll f’Għawdex ma’ Xewkija Tigers u Żebbuġ Rovers. Fl-aħħar staġun hu lagħab ma’ Marsa wara li ġie misluf mit-tim ta’ Santa Luċija.
Jidher li l-problemi fil-qalb kienu ereditarji, anke għaliex ħuh, Ike Chibueze, ukoll tilef ħajtu għal għarrieda fl-età ta’ 23 sena fl-2007.