Envic Galea elett Viċi President tal-Commonwealth Judo Association
Matul il-Logħob tal-Commonwealth ħafna organizzazzjonijiet tal-isport jorganizzaw il-kungressi tagħhom u hekk għamlet il-Commonwealth Judo Association (CJA). Matul il-Kungress tal-Commonwealth Judo, il-Viċi President tal-Iskozja Rick Kenny ġie elett bħala President u għalhekk ħalla l-kariga ta’ Viċi President vakanti. L-Eżekuttiv ippropona lil Envic Galea, li huwa l-President tal-Malta Judo Federation biex jimla din il-kariga u ġie aċċettat b’mod unanimu mid-delegati tal-Kungress.
Fil-kariga l-ġdida tiegħu, Envic Galea se jkun qed jassisti lill-President il-ġdid kif ukoll lill-Eżekuttiv fir-ristrutturar tas-CJA u se jkun qed jagħmel lill-ġudo bħala sport prinċipali fil-Logħob tal-Commonwealth. Il-ġudo ntlagħab biss tliet darbiet f’dawn il-logħob, jiġifieri f’Auckland fi New Zealand, Manchester fl-Ingilterra u ftit tal-jiem ilu fi Glasgow fl-Iskozja.
Malta rebħet l-ewwel midalja tagħha fil-Logħob tal-Commonwealth permezz ta’ Laurie Pace ftit tas-snin ilu. Envic Galea li huwa s-Segretarju Ġenerali tal-European Judo Union, għandu rabtiet mill-viċin mal-International Judo Federation, fejn huwa d-Direttur tal-IJF Academy u riċentament il-President tal-IJF, Marius Vizer, li jiġi wkoll il-President tal-iSport Accord, innominah bħala rappreżentant biex jikkordina mal-International Blind Sports Association (IBSA) biex jgħinhom iġibu lill-organizzazzjoni tal-isport tagħhom iktar viċin mal-istandards tal-IJF.
Huwa se jkun qed imur f’Palm Springs fl-Istati Uniti fl-aħħar ta’ dan ix-xahar hekk kif l-IBSA se jkunu qed jorganizzaw il-Kampjonati Mondjali biex jirrapreżentaw lill-IJF u jiltaqgħu mal-Eżekuttiv għal din ir-raġuni.