“Kienet l-aqwa ġirja ta’ ħajti” – Rachel Fitz

"Dawn il-logħob għal darb’oħra reġgħu ħallewni b’motivazzjoni ħafna ikbar biex nitħarreġ u dejjem intejjeb il-livell tiegħi f’dak li l-iktar inħobb nagħmel – niġri!”

Rachel Fitz tidher tieħu l-baton tar-relay minn id Rebecca Sare’ waqt il-Logħob tal-Commonwealth
Rachel Fitz tidher tieħu l-baton tar-relay minn id Rebecca Sare’ waqt il-Logħob tal-Commonwealth

Hekk kif ftit tal-jiem ilu ntemmew il-Logħob tal-Commonwealth fi Glasgow l-Iskozja waħda mill-atleti ewlenin u li l-iktar spikkat kienet Rachel Fitz – atleta li qed tikseb suċċess kbir f’pajjiżna. Dan il-ġurnal iltaqa’ ma’ din l-atleta fejn talabha x’kienet tfisser din l-esperjenza unika fil-karriera tagħha. 

Fitz qalet “Kont tassew eċitata meta waslet il-ġurnata li fiha kelli mmur l-Iskozja għal-Logħob tal-Commonwealth. Bħala atleti Maltin konna ilna nitħarrġu ħafna għal dawn il-logħbiet u l-eċitament li kulħadd kien qed iħoss f’dik il-ġurnata kien tassew kbir. B’kollox konna 30 atleta ġejjin minn sport differenti fosthom il-ġinnastika, il-ġudo, l-isparar, wrestling, squash u l-atletika. Mill-kategorija tal-atletika, ħames atleti biss irnexxielhom jagħmuha għal dawn il-logħbiet li kienu Diane Borg, Rebecca Camilleri, Rebecca Sare’, Kevin Moore u jien. 

Kienet esperjenza tal-ġenn u meta finalment waslet il-ġurnata li fiha jien kelli nikkompeti, l-eċitament u l-enerġija pożittiva kollha li kelli ġewwa fija bħal donnhom żbruffaw u ġrejt il-ġirja ta’ ħajti. Nista’ ngħid li kienet l-aqwa ġirja ta’ ħajti u malli tlaqt is-sekondi taru biex it-tellieqa waslet fi tmiemha. Bħala atleti Maltin temmejna f’ħin ta’ 46.75 sekondi li kien l-aħjar ħin personali għall-Maltin bħala tim tar-relay u għalhekk konna ferħanin għalkemm ma rnexxilniex niksru rekord nazzjonali li tabilħaqq kien l-għan tagħna. Temmejna fl-10 post minn 16-il pajjiż. 

Kien impossibli li ma nkunux kuntenti wara li ħadna sehem f’tellieqa ta’ dan it-tip. Nispera li jkolli opportunità oħra xi ġurnata oħra f’ħajti sabiex nerġa’ nieħu sehem fil-Logħob tal-Commonwealth, jew anki nittama li nieħu sehem f’kompetizzjonijiet iktar importanti hekk kif definittivament li din kienet waħda mill-isbaħ esperjenzi ta’ ħajti. Dawn il-logħob għal darb’oħra reġgħu ħallewni b’motivazzjoni ħafna ikbar biex nitħarreġ u dejjem intejjeb il-livell tiegħi f’dak li l-iktar inħobb nagħmel – niġri!”

More in Sports