“Qed nistenna esperjenza ta’ suċċess ma’ Hibs” – Henry Bonello
Henry Bonello donnu miexi fuq il-passi ta' missieru
“Qed nistenna esperjenza ta’ suċċess ma’ Hibs” – dawn kienu l-ewwel kelmiet li lissen il-goalkeeper internazzjonali Henry Bonello malli dan il-ġurnal talbu kummenti rigward kif qed iħares lejn l-avventura ġdida ma’ dan il-klabb wara li ngħaqad magħhom wara numru ta’ snin jiddefendi l-lasti ta’ Sliema Wanderers.
B’hekk bħal donnu Henry Bonello miexi fuq il-passi ta’ missieru John li fil-passat niftakruh goalkeeper kemm ta’ Hibernians kif ukoll tat-tim nazzjonali Malti.
F’iktar kummenti li Bonello għadda lil dan il-ġurnal huwa saħaq li f’Hibs sab tim magħqud waqt li xtaq jirringrazzja lil kulħadd li għamel dan it-trasferiment faċli u possibbli. Irringrazzja wkoll lin-nies ta’ Raħal Ġdid li fi kliemu laqgħuh b’idejhom miftuħa! Bħala parti minn dan il-ftehim il-goalkeeper żagħżugħ ta’ Hibernians Daniel Balzan ingħaqad ma’ Sliema Wanderers għal sena b’self.
Bonello huwa prodott tan-Nursery ta’ Sliema Wanderers u ddebutta magħhom fil-Kampjonat BOV Premier lura fl-istaġun 2006/07. Fl-istaġun 2009/10 kien ingħaqad għal sena b’self ma’ Vittoriosa Stars qabel ma reġa’ libes il-flokk numru 1 tal-Blues fl-istaġun ta’ wara.