L-ASMK b’attività għal Malta Records

L-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi nediet il-Programm tas-Sajf qabel ma jerġa’ jibda l-istagun il-ġdid 2014/2015. Ta’ kull sena l-Assoċjazzjoni tieħu ħsieb torganizza diversi attivitajiet li fosthom ikun hemm minnhom li huma għal għan nobbli.

Manuel Muscat fuq Opel Corsa
Manuel Muscat fuq Opel Corsa

Is-Sibt li għadda saret l-ewwel attività bil-karozzi u muturi. Din saret fil-Kumpless Sportiv tal-Assoċjazzjoni f’Ta’ Qali fejn għall-ħabta tal-4pm bdiet l-attività bil-Muturi Endurocross. Din it-tiġrija kienet imsejħa hekk għar-raġuni li fejn is-soltu naraw biss Muturi Motocross fil-korsa f’Ta’ Qali, din id-darba rajna wkoll muturi mis-sezzjoni Enduro. Il-korsa li kkompetew fiha kienet differenti minn dik tas-soltu, minħabba li f’din il-kompetizzjoni għall-ewwel darba fl-istorja l-korsa tal-muturi inkludiet direzzjoni bil-kontra.

Fit-8pm daħlu fl-azzjoni l-karozzi tal-Autocross u għal darb’oħra taħt id-dawl artifiċjali saret it-tiġrija “Endurance Race”. Din it-tiġrija kienet twila siegħa sħiħa u dawra. Fl-aħħar edizzjoni qabel din tal-bieraħ ġew irreġistrati 82 dawra u din id-darba l-Assoċjazzjoni ddeċidiet li tirreġistra din l-attività fil-“Malta Records” bħala l-itwal tiġrija bil-karozzi fil-korsa. Jidher li sal-lum il-ġurnata ma hemm l-ebda attività ta’ dan it-tip fil-Motorsport li hija rreġistrata. Għal din l-attività ħadu sehem madwar tmien karozzi li seta’ jkollhom sa tliet sewwieqa fuq kull karozza. Taħt regolamenti kull kompetitur ried isegwi bir-reqqa għall-fatt li fejn is-soltu jitnaqqsu l-punti fuq xi penali f’dan il-każ tnaqqsu numru ta’ dawriet bħala penali.

Il-Programm tas-Sajf ikompli b’ġurnata xogħol mill-membri tal-ASMK ġewwa d-“Dar tal-Providenza” fejn l-Għaqda ASMK ta’ kull sena ttella’ grupp ta’ nies membri biex jagħmlu xogħol volontarju ġewwa din id-dar. Xogħol ta’ dan it-tip f’dar bħal din huwa ferm apprezzat għalhekk l-Assoċjazzjoni tieħu ħsieb xogħol ta’ tindif fil-ġonna kollha tal-madwar, tikħil u tibjid u xogħlijiet oħra. Din l-inizjattiva ssir kull sena biex dejjem iżżom f’moħħ kulħadd li l-isports mhux kollox imma permezz ta’ għaqdiet bħall-ASMK jistgħu jkunu utli f’xogħlijiet bħal dawn fost is-soċjetà Maltija. Din il-ġurnata ta’ xogħol mistennija ssir nhar is-Sibt li ġej.

Il-Programm tas-Sajf jagħlaq nhar il-Ħadd 21 ta’ Settembru fejn għal darb’oħra f’dan l-istaġun l-ASMK se taqsam lejn il-gżira tat-Tliet Għoljiet – Għawdex, fejn l-ASMK se torganizza attività bil-karozzi Autocross, u dan grazzi għall-għajnuna li sibna kemm mill-Ministru għal Għawdex kif ukoll mill-Gozo Sports Board. L-attività mistennija ssir fis-Sannat fiż-żona Ta’ Marziena. Id-dħul kollu minn din l-attività se jkun qed imur għal Dar Arka. Fil-jiem li ġejjin ikomplu joħorġu iktar dettalji dwar din l-attività. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku 

www.asmk.org.mt

More in Sports