“L-għaqda, id-determinazzjoni u l-umiltà, iwasslu għar-rebħ”
Hekk kif ftit tal-jiem ilu Neptunes Grimaldi rebħu l-ħames kampjonat konsekuttiv fil-waterpolo lokali li huwa rekord assolut għall-waterpolo f’pajjiżna, dan il-ġurnal ma setax ma jagħmilx kuntatt mal-Presisent ferm ħabrieki tal-istess klabb, Matthew Bonello, biex jitolbu l-kummenti tiegħu ta’ x’fisssr għalih dan is-suċċess u kif qed iħares lejn il-futur ta’ dan il-klabb bi storja glorjuża fil-waterpolo lokali. Bonello li tajjeb ngħidu ilu President ta’ Neptunes WPSC sa mill-istaġun 2006 saħaq li:
“Dan huwa s-seba’ kampjonat f’disa snin għan-Neptunes, apparti li bir-rebħ ta’ dan il-kampjonat, stabbilixxejna rekord ġdid fil-waterpolo Malti, għax ħadd qatt ma rebaħ ħames kampjonati wara xulxin. Minn massimu ta’ 15-il unur disponibbli, fl-aħħar ħames snin, irbaħna ħdax, inkluż id-double għal tliet darbiet.
Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għal kull min għandu n-Neptunes għal qalbu, għax mhux faċli li żżomm din il-konsistenza għall-perjodu hekk twil. Dawn is-suċċessi jippremjaw ix-xogħol u l-għażliet li għamel il-kumitat tagħna biex bnejna din l-iskwadra.
Il-protagonisti prinċipali huma dawk li logħba wara logħba niżżlu fl-ilma, il-plejers kollha li għamlu parti mill-iskwadra tagħna f’dawn is-snin, għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom. Dejjem taw kollox u urew karattru kbir u rieda li jirbħu, anke fl-iktar mumenti diffiċli.
Protagonist assolut, ovvjament kien il-kowċ Sergey Markoch, li dejjem għaraf joħroġ l-aħjar mill-plejers, u apparti li huwa kowċ ta’ bravura kbira f’kull aspett tal-logħba, għandu wkoll kariżma kbira u kapaċi jimponi l-awtorità tiegħu. Huwa kowċ komplut u rrispettat minn kulħadd, anki fl-isfera internazzjonali.
L-assistenti ta’ Sergey f’dawn is-snin, Tony Camilleri, Ian Azzopardi u Dorian Pisani, kollha għamlu ħafna xogħol importanti, speċjalment fil-preseason. Irrid ngħid grazzi speċjali lit-team manager Anthony Cachia, li apparti li huwa eks plejer u jaf kull aspett tal-logħba fuq ponot subgħajh, jaħdem minn wara l-kwinti b’kompetenza u ġenwinità li diffiċli ħafna li ssibhom f’oħrajn. Grazzi wkoll lil Rose Gambin li tieħu ħsieb il-preparazzjoni fiżika tal-plejers bi professjonalità kbira, lit-tabib Stefan Camilleri, u l-kit manager Ray Spiteri, li ilhom snin jagħtu servizz lill-klabb mill-qalb.
L-aħħar u mhux l-inqas, ringrazzjament imur lill-partitarji leali u ġenwini tan-Neptunes, li fit-tajjeb u fil-ħażin, dejjem taw l-appoġġ tagħhom lit-tim. Nemmen li jekk tinżamm l-għaqda, id-determinazzjoni u nżommu wkoll l-umiltà, nistgħu nkomplu fit-triq tar-rebħ għal li ġej.”