Savio AC iħallu impatt fl-atletika lokali
Hekk kif l-istaġun lokali tal-atletika jintemm, l-atleti individwali jħarsu lura minn fejn bdew u wħud igawdu s-sodisfazzjon tant mistħoqq ta’ staġun dekorat, filwaqt li oħrajn jaħsbu fuq aspetti mill-ħajja atletika tagħhom li għandhom bżonn itejbu. Il-moħħ wara dan il-proċess li jagħmel kull atleta huma l-assoċjazzjonijiet, ħafna drabi volontarji, li joħolqu l-ispirtu sportiv li jnissel il-ħeġġa għall-isport fl-atleti.
Kull min itemm staġun b’titjib sostanzjali minn fejn beda diġà ħaqqu premju, imma li dan ikun ġie mwettaq minn organizzazjoni żgħira bħal Savio AC huwa verament impressjonanti. Fil-kategorija tas-subien ta’ bejn 12 u 13-il sena, Karol Spiteri, atleta emerġenti fil-kamp lokali wasal fit-tmiem tal-istaġun atletiku tiegħu. Dan l-atleta huwa ta’ eżempju għall-atleti ż-żgħar mill-klabbs iż-żgħar biex jimxu fuq il-passi tiegħu, mhux biss mill-għadd tekniku, iżda wkoll fl-ispirtu sportiv li wera, l-ispirtu li tant huma magħrufin għalih Savio AC. Ir-riżultat ta’ 10.39m fix-“shot put“ jinkuruna l-istaġun eċċellenti tiegħu, li wasslitu għat-tieni post fil-kampjonati nazzjonali, kif ukoll ir-riżultat li kiseb fil-“javelin throw“, li wasslitu jkun ir-rebbieħ fil-kampjonati għall-eta’ tiegħu.
Fil-kategorija tal-kbar, l-atleta stabbilit Matthew Croker kkonkluda staħun eċċezjonali. Bħala president ta’ Savio AC, huwa mexxa l-klabb tiegħu b’suċċess matul dan l-istaġun. Il-konsistenza u l-ispirtu li wera kienu parti ċentrali fir-rimonta ta’ Savio AC, wara li ġera serje ta’ tmien tlielaq tal-400m kollha kemm huma taħt il-50 sekonda, kisba li l-ebda atleta lokali ma’ laħaq fl-aħħar ħdax –il sena. Dan wasslu għall-midalja tal-fidda fl-400m, li ġiet ikkumplimentata mill-bronż fil-200m.
Savio AC daħlu fix-xena bħala klabb żgħir, għelbu kull ostaklu u issa, sena wara, r-reġistrazzjonijiet ta’ atleti rduppjaw. Huma ġew fit-tieni post fil-kampjonat ta’ bejn il-klabbs, u rduppjaw l-midalji fil-kampjonati nazzjonali.
Savio AC qegħdin ifittxu iktar atleti li jistgħu jgħinu, jimmotivaw u jmexxu, koordinaturi li jafu u jħobbu l-isport, u nies li jridu jkunu parti minn din il-ħolma. Savio AC xtaqu jieħdu din l-opportunità biex jirringrazzjaw lil kull min ta sehmu matul dan l-istaġun.
Jekk trid tkun parti minn dan kollu, kkuntatja lil Savio AC fuq [email protected]