Jason Vella jimpressjona fil-maratona taċ-ċikliżmu fuq l-Etna
Dan l-aħħar grupp ta’ ċiklisti ħadu sehem fit-tmien edizzjoni tal-Etna Marathon 2014
Din il-maratona hija tellieqa uffiċjali fil-kalendarju Taljan li hija twila 74 kilometru li jinkludu 2,560 metru ta’ tlajja fil-widien famużi tal-Etna karatterizzati mit-trakka mimlija rmied u lava. Iċ-ċiklisti Maltin kollha li ħadu sehem irnexxielhom jispiċċaw it-tellieqa.
Jason Vella kien l-ewwel wieħed mill-Maltin li spiċċa t-tellieqa, il-31 minn 283 parteċipant. Vella, li beda t-tellieqa tajjeb ħafna, żamm il-pass maċ-ċiklisti ta’ quddiem sa nofs il-korsa. Eventwalment huwa ġie sforzat inaqqas il-pass tiegħu u tilef il-pożizzjonijiet minħabba problema ta’ deidrazzjoni. Vella rreġistra wkoll l-aqwa ħin miksub minn ċiklist Malti f’dan l-avveniment.
Iċ-ċiklisti l-oħra spiċċaw hekk:
Maurice Formosa fit-78 post, Mark Bonnici 93, Jeffrey Borg 110, Patrick Scicluna 126, Paul Zarb 128. It-tellieqa ntrebħet minn Franz Hofner.