Tliet atleti mill-MWA jipparteċipaw fi Sqallija
Tliet atleti fil-kampjonati reġjonali tal-weightlifting f’San Cataldo fi Sqallija
Il-Ħadd 19 ta’ Ottubru, l-assoċjazzjoni Maltija tal-weightlifting (MWA) ipparteċipat bi tliet atleti fil-kampjonati reġjonali tal-weightlifting f’San Cataldo fi Sqallija.
Din il-kompetizzjoni sservi bħala avveniment ta’ kwalifika għall-atleti Sqallin biex jipparteċipaw fil-Kampjonati Nazzjonali Taljani u għall-atleti Maltin din kienet opportunità kbira biex jevalwaw il-ħila tagħhom bħala preparazzjoni għall-avvenimenti internazzjonali li l-MWA se tipparteċipa fihom fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Ryan Agius u Owen Bugeja pparteċipaw kontra 11-il atleta fil-kategorija tal-85 kilo. Agius kellu bidu ta’ rfigħ tajjeb b’105 u 110 kilo fl-iSnatch però tilef il-115 kilo bi ftit. Fil-Clean & Jerk hu refa’ 120 u 125 kilo, iżda huwa naqas li jagħmel l-aħħar tentattiv ta’ 130 kilo fil-fażi tal-Jerk, għalhekk huwa għalaq il-kompetizzjoni b’total ta’ 235 kilo jikseb 282 punt li kienu biżżejjed għalih sabiex jakkwista l-ewwel post fil-kategorija rispettiva segwit minn F. Bruno 265 punti u G. Candela 262 punti.
Owen Bugeja ta’ 15-il sena refa’ 88 kilo Snatch u bi ftit tilef l-aħħar tentattiv tat-92 kilo wara li tilef il-bilanċ fl-aħħar sekonda. Fil-Clean & Jerk hu refa’ faċilment il-100 kilo iżda għal darb’oħra huwa tilef l-aħħar tentattiv fuq 108 kilo billi mbotta l-piż ftit ’il quddiem. Hu għalaq l-kompetizzjoni b’total ta’ 188 kilo u għamel 225 punt biex kiseb it-tieni post fil-grupp għal dawk ta’ taħt is-17-il sena. L-ewwel post intrebaħ minn G. Trimarchi b’256 punt filwaqt li S. Macaluso kiseb it-3 post b’147 punt.
Martin Pisani li pparteċipa fil-kategorija 105 kilo kellu bidu ftit ħażin fir-refgħa snatch u huwa rnexxielu jerfa’ 100 kg. Fil-Clean & Jerk hu refa’ 125 kilo u spiċċa b’total ta’ 225 kilo dan kien riżultat tajjeb għal Pisani wara li hu għadu jirkupra minn korrimenti żgħar. Huwa rnexxielu jakkwista t-tieni post b’248 punti, l-ewwel post intrebaħ minn E. Giordano b’270 punt filwaqt li fit-tielet post G. Mauro 243 punti.
L-atleti Maltin kienu akkumpanjati u kkowċjati minn Jesmond Caruana.
Din il-kompetizzjoni ma kinitx tkun possibli mingħajr l-għajnuna tal-Kumitat Olimpiku Malti u l-ħbiberija mal-Federazzjoni tal-Weightlifting fi Sqallija.