Il-basketball huwa ħajjitha
Samantha Brincat - bla dubju waħda mill-aqwa plejers li pproduċa l-basketball lokali f’dawn l-aħħar snin u li għamlet isem għal pajjiżna fl-istess sport barra minn Malta.
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-isport u b’mod speċjali lejn il-basketball?
Tul ħajti kollha sa minn meta kelli tliet snin, ili nipprattika l-isport. Lgħabt futbol mas-subien sakemm kelli 15-il sena u meta qaluli li kelli nilgħab mal-bniet, waqaft nilgħab!
Flimkien mal-futbol kont nipprattika wkoll l-atletika. Ikkompetejt fil-heptathlon sa minn meta kelli biss 12-il sena madankollu kont aħjar fid-dixxiplini tax-shot put u l-javelin. Sirt champion tal-javelin tal-Awstralja fl-età ta’ 15-il sena u immedjatament wara skoprejt il-basketball f’ħajti. Ġejt inkoraġġita minn ommi biex nipparteċipa fl-isport u eventwalment hija rrealizzat li kelli abilità naturali fl-atletika. Kienet ommi li sfidatni biex nipprova kollox f’ħajti. Ġaladarba skoprejt il-logħba tal-basketball, immedjatament sirt inħobb lil din il-logħba. Kont ossessjonata u ridt nagħti l-aħjar tiegħi. Darba waqt li kont qed nilgħab l-iskola tifla oħra qaltli li kelli nieħu l-basketball b’iktar serjetà f’ħajti. Mort għal prova ma’ Sydney Comets u għamiltha fl-ewwel tim. Fl-ewwel staġun tiegħi rnexxieli nilgħab ukoll mat-tim ta’ NSW State u rrappreżentajt lil Sydney fil-Kampjonati Awstraljani. Il-basketball kien ħajti. Kont nilagħbu fl-iskola, fil-park, u f’kompetizzjonijiet lokali ta’ kuljum.
“Wara li ntemm il-karriera tiegħi fil-basketball, m’hemmx dubju li rrid inkompli nkun involuta fil-basketball kemm fil-kowċing jew bħala punt ta’ riferiment għal-logħba tal-basketball”
Kif komplejt tevolvi fil-basketball?
Wara li kont nilgħab fis-sezzjoni tal-juniors bqajt tiela’ fil-Kampjonat Warratah li jintlagħab f’Sydney u fl-età ta’ 22 sena ltqajt ma’ Peter u Frances Scott li kellhom taħdidiet miegħi rigward possibiltajiet li nilgħab ma’ xi tim fl-Ewropa. F’dak iż-żmien eżatt kont qed nipprova nilgħab ma’ Sydney Flames li jilagħbu fil-Kampjonat Nazzjonali tal-Awstralja waqt li kelli offerta wkoll biex nilgħab mal-Kulleġġ Dowling fl-Amerika. Kienet xi ħaġa diffiċli għalija li niddeċiedi ta’ dik l-età u għal xi raġuni ddeċidejt li nħalli l-Awstralja u mmur nilgħab ma’ Kastoria fil-Greċja fejn hemmhekk kellu jkun l-ewwel staġun tiegħi ta’ basketball Ewropew. Il-fatt li kont ’il bogħod mid-dar kienet diffiċli għal bidu iżda ħassejtni tassew fortunata li ngħatajt din l-opportunità u għalhekk ridt nagħmel l-aħjar possibbli minnha. Il-kumplament huwa storja. Il-fatt li stajt nitħallas għall-iktar ħaġa li nieħu gost nagħmel f’ħajti kien ta’ privileġġ kbir għalija. Stajt indur id-dinja kollha, nilgħab basketball fl-isbaħ postijiet tad-dinja, nilgħab kontra wħud mill-plejers li kont imdorrija nara fuq it-televixin u li kont noħlom li xi darba kont għad insir bħalhom. Ili fuq dan il-vjaġġ f’ħajti sa minn meta kelli 22 sena u li kuljum inqum u nkompli miexja f’din it-triq huwa ta’ grazzja għalija. Nirringrazzja ħafna lil ommi li ssagrifikat kollox biex tkun tista’ taffordja biex iżżommna kollha involuti fl-isport. Jiena l-kbira fost żewġ aħwa subien u tifla u għalhekk ma kinitx xi ħaġa faċli għal ommi. Konna lkoll kompetittivi u involuti fl-isport minn ta’ età żgħira ħafna u dan kien jinvolvi spejjeż kbar.
X’effett kellhom Peter u Frances Scott fuq ħajtek?
Peter u Frances Scott li ilhom jinkoraġġuni sa minn meta kelli 22 sena, saru l-familja tiegħi. Huma bidlu l-ħajja tiegħi fil-ġurnata li fiha ltqajna u flimkien qatt ma ħarisna lura. Kont tassew fortunata li qatt ma kelli esperjenza kerha ma’ kull klabb li lgħabt miegħu f’kull pajjiż. Grazzi għall-isforz kbir u riċerka li dawn iż-żewġ persuni għamlu billi investew fil-karriera tiegħi, sirna familja waħda u ninsab ferm grata li għandi lilhom f’ħajti.
Kif tiddeskrivi l-klabb li tilgħab miegħu – Depiro?
Meta ġejt għall-ewwel darba Malta ma kontx naf x’kien hemm lest għalija. Ma kontx naf ħafna rigward Depiro jew Malta bħala pajjiż. F’temp ta’ ftit xhur irrealizzajt ferm malajr kemm kont tassew fortunata, li għal darb’oħra ġejt involuta ma’ klabb tal-basketball daqshekk rispettat f’Malta. Depiro huwa klabb li jħares ħafna ’l quddiem, u li dejjem iħares kif jista’ javvanza l-livelli tagħhom u jinvesti ħafna fil-plejers żgħażagħ tiegħu. Immedjatament ġejt involuta fil-kowċing ma’ dan il-klabb għalkemm l-ewwel responsabbiltà tiegħi kienet dik ta’ plejer. F’dawn il-jiem bdejt ir-raba’ staġun tiegħi ma’ Depiro u għadni nħossni eċitata bix nilgħab. Matul l-aħħar tliet staġuni t-tim tagħna tan-nisa kiseb suċċess konsiderevoli u fuq livell personali nħoss li l-logħba tiegħi tjiebet fil-livelli tagħha.
“Lgħabt futbol mas-subien sakemm kelli 15-il sena u meta qaluli li kelli nilgħab mal-bniet, waqaft nilgħab!”
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-basketball u għandek xi pjanijiet għal meta tirtira minn din il-logħba li tant tħobb?
Mhux qed inħares lejn dik il-ġurnata li fiha nieqaf nilgħab il-basketball u l-ħsieb rigward dan lanqas biss jidħol f’moħħi. Naħseb li se nibqa’ nilgħab sakemm ġismi ma jkunx jiflaħ iktar strapazz! Fil-futur għandi aspirazzjonijiet li nkun kowċ. F’dawn l-aħħar tliet snin f’Malta l-kowċing qatt ma kkunsidrajtu bħala delizzju iżda xi ħaġa li nieħdu b’serjetà kbira. Wara li ntemm il-karriera tiegħi fil-basketball, m’hemmx dubju li rrid inkompli nkun involuta fil-basketball kemm fil-kowċing jew bħala punt ta’ riferiment għal-logħba tal-basketball.