Meta l-ħolma Maltija saret realtà
It-tant mixtieqa kwalifikazzjoni għall-ewwel Logħob Ewropej tal-Waterpolo li se jsiru fl-Azerbaijan f’Ġunju li ġej saret realtà. Dan sforz ta’ ħafna xogħol li sar minn dan il-grupp ta’ żgħażagħ li riedu jiktbu storja ġdida fl-isport lokali billi għall-ewwel darba pajjiżna rnexxielu jikkwalifika għall-Kampjonati Ewropej tal-waterpolo tal-Juniors b’mertu tagħhom u mhux bħala pajjiż ospitant.
Dan il-ġurnal ma setax ma jagħmilx kuntatt mal-kowċ ferm ħabrieki tat-tim nazzjonali tal-waterpolo li jiġi wkoll il-kowċ tat-tim nazzjonali tal-waterpolo ta’ taħt is-17-il sena. Tajjeb ngħidu li mertu għar-riżultati li kiseb f’dawn l-aħħar sentejn l-istess Karl Izzo bl-aktar mod meritat ġie vvutat bħala l-kowċ tas-sena għall-aħħar sentejn konsekuttivi. F’kumment li għadda lill-ILLUM, Karl Izzo saħaq li:
“L-ASA ħadet b’serjetà kbira l-parteċipazzjoni f’dawn il-European Games u b’hekk bdejna proċess twil biex inkunu nistgħu naslu għal dawn il-kwalifikazzjonijiet ippreparati sew u b’ħafna logħob ta’ ħbiberija kontra oppożizzjoni iktar ikkwotata minna, kampijiet ta’ taħriġ eċċ. Deher ċar ħafna li kien hemm materjal tajjeb u validu biex stajna nagħmlu dan.
Kollox beda fis-sajf tal-2013 meta konna Ostia mat-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena. Konna qed nipparteċipaw ġewwa tournament ta’ ħbiberija għall-European Championships li kellhom dik is-sena jsiru Malta għal din il-kategorija. Hemmhekk rajna kemm konna għadna lura kontra nazzjonijiet oħra parteċipanti kemm fil-fiżika, teknika u tattika. Kien il-President ħabrieki tal-ASA, is-Sur Joe Caruana Curran, li kien laqagħna ġo kamra u wera x-xewqa li minn dakinhar jibda jsir xogħol bis-serjetà biex fi żmien 10 snin aħna nkunu nistgħu nikkwalifikaw għall-fażi finali tal-European Championships. Niftaħar billi ngħid li bis-saħħa tal-għajnuna kontinwa tal- ASA li kkuntentawni f’kull ma tlabthom kif ukoll riċentament mill-MOC li għoġobhom ukoll jagħtuna għajnuna biex inkunu nistgħu nippreparaw bl-aqwa mod possibli, irnexxielna nagħmlu li ppjanajna għall-perjodu ta’ 10 snin sħaħ, f’sentejn!
L-ewwel għażla tiegħi kienet f’Diċembru tal-2013, ta’ 47 plejer ġejjin mill-klabbs kollha. Sejjaħna laqgħa għall-plejers u l-ġenituri kollha fejn spjegajnielhom x’konna qed inħejju u x’ konna qed nippretendu mill-plejers magħżulin. Lil dawn il-plejers għamilnielhom ‘screening’ fejn permezz tat-tim mediku tagħna rajna l-pożittiv u n-negattiv f’ġisem dawn il-plejers u fuq xiex kellna naħdmu kemm fil-gym kif ukoll fil-pixxina. Din kienet mossa bla preċedent fejn l-ASA daħlet fi spiża qawwija imma li minnha seta’ jkollna kull informazzjoni fuq kull plejer magħżul. Dan jgħin biex niksbu l-aqwa mill-plejers tagħna speċjalment fuq il-fiżika tagħhom speċjalment meta niġu biex nilagħbu kontra timijiet barranin ta’ saħħa kbira.
Hawnhekk beda t-taħriġ kemm fil-gym kif ukoll fil-pixxina għal dawn il-plejers kollha magħżulin. Dan kien numru kbir imma dan għaliex jien ridt nagħti l-opportunità lil kull plejer li jiena ħsibt li seta’ jifforma parti minn dan it-tim nazzjonali. Il-plejers kollha magħżula kienu entużjasti li ġew imsejħa biex jittrenjaw ma’ Malta. Minn 47 plejer, il-grupp beda dejjem jitnaqqas biex hekk il-plejers li kellhom iktar potenzjal setgħu jitħarrġu b’iktar kumdità u f’iktar spazju. Ta’ min jgħid li tant kienu dedikati il-plejers li konna nittrenjaw tliet darbiet fil-ġimgħa fil-5.30am sas-7am qabel dawn kienu jmorru l-iskola. Flimkien ma’ dawn is-sessjonijiet jien kien ikolli lil dawn il-plejers għat-taħriġ miegħi darbtejn fil-ġimgħa għal sagħtejn filgħaxija u l-Ħadd filgħodu għal sessjoni ta’ siegħa u nofs. L- ewwel impenn uffiċjali għal din l-iskwadra kien tornew importanti tal-EU 8 Nations Trophy ġewwa Brno fir-Repubblika Ċeka, u minnufih jien flimkien mal-assistent tiegħi Anthony Farrugia u l-kowċ tal-goalkeepers Adrian Cachia bdejna nnaqqsu l-iskwadra, l-ewwel għal 25 u finalment għal 15 li kellhom ikunu l-plejers li jsiefru u jirrappreżentaw lil Malta, ġewwa r-Repubblika Ċeka. Deher mill-ewwel li dan tagħna kien tim b’saħħtu, b’talent kbir u magħqud! Fil-fatt anki jekk f’ċerti logħbiet konna qed nilagħbu kontra timijiet ikbar minna, irnexxielna nirbħu 5 minn 5 logħbiet u spiċċajna rebbieħa. Dan kien fl-Għid tal-2014. Wara dan, il-plejers kollha rritornaw mal-klabbs tagħhom bi preparament għall-Kampjonat tas-Sajf.
Kif spiċċa l-Kampjonat tas-Sajf fil-bidu ta’ Settembru jien erġajt sejjaħt skwadra ta’ 20 plejer bi preparazzjoni intensiva għall-kwalifikazzjonijiet li issa sirna nafu li kellhom isiru Malta f’Marzu ta’ din is-sena. F’Diċembru li għadda jien għażilt 15-il plejer li magħhom tlajna Siracusa ġewwa Sqallija għal kamp ta’ taħriġ iebes u wkoll logħob ta’ ħbiberija kontra timijiet Sqallin tal-Under 20. Din kienet okkażjoni importanti biex nara l-progress ta’ dan it-tim imma wkoll biex nara kif jirreaġixxu meta jilagħbu kontra plejers iktar b’saħħithom minnhom fiżikament. Ħadt indikazzjonijiet tajbin ħafna u kont ferm sodisfatt b’li għamilna fil-ħamest ijiem hemmhekk.
Tajt ħamest ijiem mistrieħ lill-plejers għall-Milied imma fit-2 ta’ Jannar bdejna l-aħħar u l-aktar parti importanti tat-tħejjija għar-round ta’ kwalifikazzjoni ta’ Marzu. Minn Ottubru ta’ min jgħid li l-plejers kollha kienu qed jieħdu sehem fil-Kampjonat tax-xitwa tal-U17 li kien qed isir ġewwa l-pixxina nazzjonali u fejn hawn stajt nivvaluta l-forma tal-plejers tiegħi.
Fit-3 ta’ Marzu, jiena għażilt 14-il plejer (li minnhom kelli naqla’ 13) u morna għall-aħħar fażi ta’ preparazzjoni qabel it-tournament li kellu jibda fit-12 ta’ Marzu ġewwa ċ-Centro Federale ġewwa Ostia viċin Ruma għal kamp ta’ taħriġ. Hawnhekk, f’erbat ijiem lgħabna erba’ logħbiet, 2 minnhom kontra n-Nazzjonal tal-istess età Taljan, u kontra timijiet tal-U20 tal-Vis Nova Roma u Roma Nuoto. Il-plejers dehru li kienu f’forma tajba ħafna u kellna ħafna mumenti ta’ logħob sabiħ u aggressiv anki jekk kontra timijiet qawwijin ħafna. Il-ġurnata ta’ qabel kellu jibda t-tournament għamilt l-għażla tat-13-il plejer li kellhom jirrapreżentaw lil pajjiżna f’dan it-tournament ta’ kwalifikazzjoni.
L-ewwel logħba konna nafu li kienet se tkun faċli u fil-fatt irbaħna faċilment bl-iskor ta’ 51-0, kontra t-tim ġdid tal-Latvja. L-għada filgħodu quddiem pixxina mimlija bit-tfal tal-iskola rnexxielna niksbu rebħa komda kontra t-tim nazzjonali tal-Isvizzera bl-iskor tajjeb ta’ 20-6. Anki jekk ir-riżultat u d-distakk kien wieħed kbir, l-Isvizzera mhux xi tim faċli imma l-prestazzjoni tat-tfal kienet waħda impekkabbli ta’ superjuri mill-bidu sal-aħħar tal-logħba.
Waslet il-ġurnata importantissima tas-Sibt! Konna nafu li l-kwalifikazzjoni kienet tiddependi minn din il-logħba tal-lum kontra l-Gran Brittanja, pajjiż kbir b’għażla ta’ plejers vasta u li riċentament kienu għamlu progress kbir. Din kienet il-logħba ta’ ħajjitna. Konna ferm viċin li ngħaddu imma wkoll ferm ’il bogħod għax konna konxji tal-qawwa tat-tim li kellna quddiemna. Għall-plejers tiegħi din kienet okkażjoni unika, imma l-fatt li konna se nilagħbu Malta, u l-fatt li rebħa biss setgħet ittina l-kwalifikazzjoni daħlet pressjoni kbira fuq il-plejers. Il-pixxina kienet mimlija daqs bajda, il-preżenza tal-appoġġ qawwi għat-tfal tagħna kkordinata mis-South End Core, il-logħba diretta fuq l-istazzjon nazzjonali kienu kollha fatturi li poġġew pressjoni fuq il- plejers żgħażagħ tagħna! Tilgħab finali bi tragward daqshekk prestiġjużi fl-età ta’ 15/16-il sena ma kinitx faċli.
Kienet logħba missielta mill-bidu. Konna sfortunati li tlifna żewġ penalties fl-ewwel sessjoni, u mill-ewwel konna b’żewġ gowls vantaġġ. Il-plejers tiegħi iżda taw wirja ta’ forza tremenda bi press aggressiv fid-difiża u skemi li wasslu f’gowls importanti fl-attakk. Il-logħba baqgħet close sal-aħħar iżda mal-aħħar suffara r-riżultat kien favur tagħna b’rebħa meritata u importanti ta’ 7-6. Il-ħolma kienet saret realtà! Kien hemm spettaklu li ftit rajt bħalu fil-pixxina, is-sapport ma waqafx mill-ewwel sal-aħħar suffara. Ġibna riżultat prestiġjuż li tant ħdimna għalih bis-serjetà!
L-aħħar logħba l-Ħadd filgħodu kienet kontra t-tim qawwi tal-Ġermanja, li kienet bla importanza għax iż-żewġ timijiet ikkwalifikati minn 5 kienu propju aħna u l-istess Ġermanja! Wara bidu tajjeb fejn sa nofs it-tieni sessjoni konna draw, il-qawwa Ġermaniża ddominat bir-riżultat finali ta’ 21-6.
Mhux se nidħol fil-mertu li nsemmi ismijiet għal kull plejer mit-13 li ta sehmu mill-aqwa f’dan it-tornew. Insemmi b’mod speċjali lill-captain ħabrieki tat-tim Ben Plumpton u l-goalkeeper bravissimu Jake Tanti li kienu strumentali f’din il-kwalifikazzjoni. Ovvjament megħjuna mill-11-il plejer l-oħrajn, għax fuq kollox il-waterpolo huwa team sport u kull persuna fl-ilma hija importanti.
Kien hemm ċelebrazzjonijiet għal din il-kisba storika, imma issa jrid ikompli x-xogħol għall-fażi finali ġewwa Baku fl-Azerbaijan fejn fir-rawnd inizjali aħna ġejna mtellgħin nilagħbu kontra l-qawwiet tal-waterpolo mondjali fosthom is-Serbja, Spanja u s-Slovakkja.
Bħala preparazzjoni għal dan l-ewwel impenn tat-tim Malti se jkun l-EU 8 Nations Tournament li se jsir ġewwa pajjiżna mit-3 sal-5 ta’ April.
Nispiċċa bir-ringrazzjamenti importanti għal dan is-suċċess li ksibna, l-ewwel u qabel kollox lill-President tal-ASA, is-Sur Joe Caruana Curran, li dejjem emmen fija fit-tim ta’ madwari, Anthony Farrugia (assistent kowċ), Adrian Cachia (kowċ tal-goalkeepers), Andrew Cole (fiżjo-terapista) Alan Pace (kowċ fiżiku) u Joseph Sciberras (Nutrizzjonista tat-tim), Pat Bonello (psikoloġista tat-tim), il-membri kollha tal-eżekuttiv speċjalment il-Viċi President is-Sur Karl Galea, is- segretarja Rita Azzopardi, l-MOC tal-għajnuna għall-preparazzjoni permezz ta’ kamps ta’ taħriġ barra minn Malta, il-KMS tal-possibiltà li jkollna pixxina dejjem disponibbli għat-taħriġ tagħna, il-familja tiegħi u l-ġenituri u familjari tal-plejers kollha li tant ħadu paċenzja tul dawn is-sentejn, u l-aħħar u mhux l-anqas lill-pubbliku Malti kollu li ġie jarana u jagħtina l-appoġġ b’mod kontinwu f’dawn l-erbat ijiem speċjalment lil Louis Agius tas-South End Core u sħabu,” temm jgħid Karl Izzo.
Il-plejers li rrapreżentaw lil Malta kienu:
- Jake Tanti
- David Fenech
- Malcolm Manara
- Jacob Sciberras
- Jamie Gambin
- Ben Plumpton (Captain)
- Jeremy Abela
- Joseph Galea
- Matthias Azzopardi
- Darren Zammit
- Luke Calleja
- Kyle Navarro
- Frederick Buhagiar