Matthew: wieħed mill-aqwa tennisti Maltin ta' kull żmien
Matthew Asciak - l-aqwa tennista Malti maskili li pproduċa dan l-isport f’dawn l-aħħar snin, waqt li jista’ jitqies ukoll bħala wieħed mill-aqwa tennisti Maltin li pproduċa dan l-isport f’pajjiżna f’kull żmien.
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-tennis? L-imħabba għal dan l-isport, bdiet speċjalment grazzi għall-ġenituri tiegħek, Gordon u Helen Asciak?
Iva, eżatt. It-tnejn li huma kienu champions ta’ Malta għal żmien twil. Il-fatt li huma wkoll kowċis tat-tennis, ippermettieli li jien dejjem kont inkun il-Marsa Sports Club, meta kont żgħir u bdejt nilgħab it-tennis meta kelli biss tliet snin.
Meta fl-1993, il-ġenituri tiegħek rebħu l-midalja tad-deheb fil-Logħob tal-Pajjiżii ż-Żgħar li kienu saru f’pajjiżna, kont preżenti?
Iva, kont hemm, imma lanqas niftakar għax kelli biss tliet snin.
Kif komplejt tagħmel progress fit-tennis matul il-medda tas-snin?
Kont qed nittrenja ħafna. Bdejt nilgħab it-tennis bis-serjetà meta kelli xi seba’ jew tmien snin fejn kont nilgħab tennis kważi kuljum wara l-iskola, u ta’ seba’ snin kont diġà sirt champion ta’ Malta tal-Under 10s. Imbagħad, meta kelli xi għaxar snin bdejt insiefer biex nieħu sehem f’tournaments barra minn Malta. Minn meta kont żgħir dejjem kelli ħsieb li ridt insir plejer tajjeb tat-tennis, kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta. Nixtieq nirrimarka wkoll li bħalissa jien nilgħab ma’ klabb li jimmilita fis-Serie B fl-Italja. Ili nilgħab ma’ dan il-klabb madwar tmien snin.
Allura, tmur fi tmiem il-ġimgħa tilgħab ma’ dan il-klabb?
Iva, imma kif jaħdem it-tennis fl-Italja mhux kif jahdem il-futbol f’kull pajjiz, fejn jintlagħab staġun sħiħ. Hemmhekk jilagħbu xi tmien weekends minn matul is-sena, u mbagħad ikollok iċ-ċans tikseb il-promozzjoni fost affarijiet oħra.
F’Ottubru li għadda, irbaħt il-Malta Open li ma kienx l-ewwel wieħed li int irbaħt fil-karriera tieghek. Tina iktar dettalji.
Dan kien il-11-il Malta Open li rbaħt fil-karriera tiegħi. Fl-aħħar Malta Open li rbaħt, lgħabt kontra avversarju Franċiż. Din kienet l-ewwel darba li lgħabt kontrih, fejn offrieli sfida mhux ħażin. Dan kien kuntrarju għas-soltu, meta lgħabt kontra avversarji Maltin, fejn ma tantx batejt biex irbaħtilhom. Dan it-tennista Franċiż huwa plejer tajjeb ħafna u meta kien żgħir kien jilgħab dak li huwa magħruf bħala ‘college tennis’. Kienet logħba sabiħa fejn irbaħtlu f’żewġ sets bl-iskor ta’ 7-6, 6-1, imma speċjalment l-ewwel sett, kien wieħed ferm bilanċjat u akkanit.
Int li għamilt, u għadek tagħmel użu minn riżorsi marbutin mat-tennis barra minn Malta, kif tikkumpara dawn ir-riżorsi ma’ dawk li tuża f’pajjiżna?
Riżorsi tat-tennis f’Malta għandna u kif. Jien li nittrenja fil-Marsa Sports Club, nista’ ngħid b’wiċċi minn quddiem li huwa klabb sabiħ u li joffri l-faċilitajiet neċessarji fosthom courts tat-tennis tal-ogħla livell, li rari ssib bħalhom barra minn Malta. Tajjeb ngħidu li fil-Marsa Sports Club, għandna xejn inqas minn 19-il court tat-tennis, gym, pixxina, pitch tal-’cricket’ u trakka tal-atletika. B’hekk żgur li m’għandniex xi ngergru rigward faċilitajiet tat-tennis f’Malta. Iktar għandna xi ngergru rigward numru ta’ tennisti li huma ta’ livell għoli ħafna f’Malta.
Int li tilgħab il-futbol ma’ Swieqi United, kif jirnexxielek tlaħħaq mal-futbol u mat-tennis? Barra minn hekk, tqis li t-tennis u l-futbol huma kumplimentari jew kuntrarji għal xulxin?
Bdejt nilgħab il-futbol xi erba’ jew ħames snin ilu. Meta kont żgħir, jien kont nilgħab il-futbol sal-Under 12s mal-Melita, u mbagħad meta waqaft insiefer minħabba t-tennis koplejt nilgħab futbol 5- a-side ma’ sħabi, u ddeċidejt li nipprova nilgħab ma’ klabb u, bdejt nilgħab ma’ San Ġwann fit-Tieni Diviżjoni u minn dak iż-żmien bdejt inħoss li l-futbol beda joffrieli sfida ġdida fil-ħajja tiegħi ta’ sportiv. Dan għaliex il-futbol iżommok fit ħafna għax jinvolvi ħafna ġiri u taħriġ fiżiku. Ovvjament, mhux faċli li tipprattika dawn iż-żewġ sports f’daqqa, iżda bħalissa minħabba li ma tantx jien impenjat f’tournaments tat-tennis, qed nieħu l-futbol b’iktar serjetà.
Bħala Swieqi United kif sejrin fil-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni matul dan l-istaġun s’issa?
Ma tantx sejrin tajjeb. Bħalissa ninsabu t-tielet post mill-aħħar, għalhekk ninsabu fi ġlieda biex nevitaw ir-relegazzjni għat-Tielet Diviżjoni.
Kif tiddeskrivi l-livell tal-futbol f’din id-Diviżjoni?
Naħseb li din is-sena, il-livell għola ħafna. Dan minħabba l-fatt li fil-Kampjonat Premier minn dan l-istaġun żdiedu żewġ plejers barranin biex b’hekk, kull tim jista’ jutilizza sa seba’ plejers barranin, u għalhekk xi plejers Maltin li ma rnexxielhomx isibu post f’dawn it-timijiet jistgħu jilagħbu ma’ xi tim kemm fl-Ewwel Diviżjoni, kif ukoll fit-Tieni Diviżjoni. B’hekk matul dan l-istaġun, fit-Tieni Diviżjoni qed nilagħbu kontra diversi plejers li jinsabu mislufa mingħand klabbs tal-Premier, u għalhekk kawża ta’ dan, il-livell ta’ dan il-Kampjonat żdied u ġie qisu l-livell tal-Ewwel Diviżjoni, kif kien matul l-istaġun li għadda. Bħala Swieqi United, nista’ ngħid li għandna tim aħjar minn tal-istaġun li għadda, iżda madankollu iktar qed inbatu biex nirbħu l-punti.
Fl-aħħar ġimgħat, id-dinja tat-tennis inħasdet b’każijiet ta’ korruzzjoni fit-tennis internazzjonali li ttieħdu b’sorpriża minn ħafna li kienu jaħsbu li l-korruzzjoni ma kinitx teżisti fit-tennis. Temmen li teżisti l-korruzzjoni fit-tennis kemm lokali kif ukoll internazzjonali, u jekk teżisti kemm taħseb li din hi kbira?
Ma naħsibx li l-problema tal-korruzzjoni fit-tennis hija kbira daqs dik li teżisti fil-futbol. Iżda, minn mindu daħal il-betting, anki f’tournaments żgħar nemmen li iva jista’ jkun hemm problema ta’ korruzzjoni fit-tennis. Jien meta kont nilgħab dawn it-tournaments fil-passat, ma kienx hemm betting fuqhom. Jekk kien hemm korruzzjoni, li naħseb li fil-fatt kien hemm, kienet dik li l-plejers kienu jiftiehmu bejniethom, biex jirbħu dawk li huma magħrufa bħala ‘ATP Points’. Jien personalment, qatt ma ġie fuqi xi ħadd li pprova jixtrini, iżda naf plejers barra minn Malta, li jiġu avviċinati minn terzi persuni, biex jagħmlu l-flus permezz tal-korruzzjoni.
Riżorsi tat-tennis f’Malta għandna u kif. Fil-Marsa Sports Club, hemm courts tat-tennis tal-ogħla livell, li rari ssib bħalhom barra minn Malta
Il-media f’Malta kemm tagħti exposure lit-tennis jew tagħmel biss dan waqt tournaments prinċipali bħal mhuwa l-Malta Open?
Naħseb li fl-aħħar sena jew sentejn, il-media sportiva f’Malta fir-rigward tat-tennis, għamlet diversi titjib u qed tagħti iktar exposure lit-tennis. Dan kien rifless meta kellna l-Malta Open f’Ottubru li għadda, fejn ġew ħafna nies jarawna nilagħbu, fosthom membri tal-media, imma ovvjament dejjem hemm lok għal titjib. Jien naħseb li n-nies iridu jaraw logħba tat-tennis tajba. Meta fil-passat riċenti, fil-finali tal-Malta Open, dejjem kont qed nilgħab kontra l-istess avversarju Malti, u dejjem kont qed noħroġ rebbieħ bl-iskor ta’ 6-1, 6-1, jew 6-2, 6-2, anki sħabi meta kont ngħidilhom lil min kelli naffronta fil-finali, kienu jgħidui, ‘Xi dwejjaq, nafu li se tirbaħ int!’ Allura meta fil-finali tal-Malta Open li għadda, lgħabt kontra dan l-avversarju Franċiż, in-nies saret taf, u iktar ikkonkorriet bi ħġarha biex issewgi din il-finali. Huwa propju għalhekk, li l-media dejjem trid tagħti iktar pubbliċità qabel finali ta’ dan it-tip. Inħoss li l-media f’Malta, għalkemm kif għidt qabel f’dawn l-aħħar snin, għamlet ċertu titjib, sfortunatament mhux dejjem tagħmel dan. Pereżempju, f’Diċembru li għadda, fil-finali tal-aqwa tmien tennisti f’Malta, sfortunatament, kien hemm biss erbgħa min-nies jarawna nilagħbu fil-Marsa Sports Club, li hi ħaġa tal-mistħija.
Bħalissa, fil-kemm il-post tinsab fir-rankings uffiċjali tal-World Tennis Association (WTA)?
Bħalissa m’għandix ranking, għax mhux qed nieħu sehem f’ranking tournaments li fihom jingħataw punti għar-rankings. Dan għax bħalissa jiena full time kowċ tat-tennis, waqt li qed nilgħab il-futbol ma’ Swieqi United.
Kif jirnexxielek tlaħħaq ma’ dan kollu f’ħajtek?
Nikkowċja t-tennis bejn sitt u tmien sigħat kuljum. Bħalissa, qed naħdem ukoll mal-Iskola Nazzjonali tal-Isport, fejn għandi student minn din l-iskola li jiġi għandi għall-kowċing fil-Marsa Sports Club erba’ darbiet fil-ġimgħa, u qed naħdem ukoll mal-iskola San Anton fosthom ma’ studenti tal-Form 1 minn din l-iskola, li jiġu wkoll għat-taħriġ immexxi minni fil-Marsa Sports Club. Din hija xi ħaġa ferm pożittiva għat-tennis lokali, għax meta jien kelli l-età ta’ dawn it-tfal, dejjem kont nittrenja t-tennis wara li nispiċċa l-iskola. Barra minn Malta, dejjem kien hemm dawn l-iskejjel speċjalizzati fl-isport, fejn anki meta tkun żgħir, wieħed ikun jista’ jittrenja anki sa darbtejn kuljum. B’hekk ix-xogħol full time tiegħi huwa l-kowċing tat-tennis, mbagħad meta nispiċċa nibqa’ sejjer dritt għat-taħriġ tal-futbol.
Fil-mixed doubles, tilgħab mal-aqwa tennista Maltija, Elaine Genovese, u fis-snin li għaddew irrapreżentajtu lil Malta f’tournaments maġġuri fosthom fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Tina iktar dettalji.
Fl-edizzjoni li għaddiet tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, fid-doubles ma rbaħna xejn u kien biss fis-singles li rnexxieli nirbaħ midalja. Biex immur lura għall-edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar ta’ sentejn qabel li kienu saru f’Liechtenstein, fid-doubles konna rbaħna midalja tal-fidda, fejn tlifna fil-finali li kienet ferm bilanċjata kontra Liechtenstein li kienu qed jilagħbu ġewwa darhom, u li kellhom lit-tennista Steffi Vaugh li tinsab irrenkjata fil-150 post fir-rankings uffiċjali tal-World Tennis Association (WTA).
X’mar ħażin għalikom fl-aħħar edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar?
Lgħabna mal-ewwel kontra r-rebbieħa tal-midalja tad-deheb, li kienu Ċipru, li kellhom it-tennista mara tagħhom li kienet mir-Rumanija u kienet tgħix biss f’Ċipru. Il-plejer maskil tagħhom kien tajjeb ħafna fejn diġà kont lgħabt kontrih fis-singles. Ma tantx lgħabna tajjeb dakinhar. Personalment nammetti li ma tantx lgħabt tajjeb, u fid-doubles, jekk tibda ħażin malajr titlef kollox. Dan għax hemmhekk nilagħbu b’dak li huwa msejjaħ ‘die point’, jiġifieri jekk tiġi ‘deuce’, tbati ħafna. Konna tlifna żewġ ‘die points’ fil-bidu tal-logħba, u mbagħad malajr tlifna.
Fit-tennis, kollox ikun taħt il-kontroll assolut tiegħi, jiġifieri jekk nilgħab ħażin, nitlef waħdi, jekk nilgħab tajjeb, nirbaħ waħdi
Jekk insemmilek lit-tennisti ta’ klassi u fama mondjali, Pete Sampras, Rafael Nadal, Roger Federer u Novak Djokovic, min fil-fehma tiegħek huwa l-aqwa tennista?
Jien għandi naqra ‘bias’ rigward dan, għax jien inħobb ħafna lil Roger Federer. Anki narah jilgħab biss ngħid li huwa l-aqwa plejer tat-tennis li tista’ tara fid-dinja. Madankollu, onestament nammetti li l-livell li wasal fih is-Serb Novak Djokovic fit-tennis qatt ma rajt bħalu qabel. Dan kien ferm evidenti fir-rebħa li kiseb kontra Roger Federer fis-semifinali tal-Australian Open fl-Awstralja, ftit tal-ġimgħat ilu, speċjalment għall-mod faċli li bih rebaħlu, u dan meta wieħed iqis li Federer jilgħab fl-istess livell ta’ Djokovic innifsu fit-tennis. Fit-tournament ta’ qabel, kien lagħab ukoll kontra Nadal fil-finali u rebaħlu bl-iskor ta’ 6-1, 6-1, u saħansitra wara din il-finali, Nadal kien stqarr li qatt ma kien lagħab daqshekk tajjeb fil-karriera mill-aqwa tiegħu fit-tennis, fejn ħass li ma seta’ jagħmel xejn iktar!
Bħala tennista li rnexxielek tikseb daqstant suċċess fit-tennis, minkejja l-età tiegħek li tippermettilek toffri u tirbaħ iktar kemm fit-tennis lokali, u dak internazzjonali, għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu karriera f’dan l-isport.
Naħseb li t-tennis huwa sport sabiħ ħafna. Huwa sport individwali, fejn fih ma tiddependix fuq ħaddieħor. Jien li nilgħab it-tennis u l-futbol, nista’ nara d-differenza bejn dawn iż-żewġ sports. Dan għax meta nilgħab it-tennis, kollox ikun taħt il-kontroll assolut tiegħi, jiġifieri jekk nilgħab ħażin, nitlef waħdi, jekk nilgħab tajjeb, nirbaħ waħdi. Fil-futbol l-istorja mhux hekk, għax ġieli jien personali ikolli logħba tajba u xorta t-tim tiegħi jitlef, għax jagħmel xi żball xi ħaddieħor. Fuq in-naħa l-oħra tal-munita, fil-futbol, jekk ikollok logħba ħażina, il-plejers sħabek jistgħu jikkompensawlek għal dan billi jilagħbu tajjeb, u xorta waħda t-tim tiegħek jista’ joħroġ rebbieħ! B’hekk nista’ niddeskrivi lit-tennis bħala sport sabiħ iżda diffiċli. Bħalissa kif sejrin l-affarijiet f’Malta, speċjalment grazzi għall-Iskola Nazzjonali tal-Isport, jeżistu diversi opportunitajiet biex anki hawn Malta, iżda wkoll barra minn Malta, wieħed jista’ tabilħaqq jilħaq livelli tajbin fit-tennis.