Ir-raġel li tilef kollox biex irrivoluzzjona l-futbol mondjali
Jean-Marc Bosman - Intervistat mill-gazzetta ILLUM
Imwieled fil-Belġju fl-1964, Jean-Marc Bosman kien jilgħab il-logħba tal-futbol b’mod professjonali u wieħed ma jkunx qed jigdeb jekk jgħid li kien protagonist assolut f’din il-logħba tant sabiħa.
Biss, huwa ħalla mpatt fuq din il-logħba b’mod rivoluzzjonarju mingħajr ebda tip ta’ gowls spettakolari jew finet brillanti. Huwa ħalla mpatt fuq is-sistema tat-trasferimenti, permezz tal-famuża Bosman Ruling li daħlet fis-seħħ lura fl-1995, li bażikament tagħti l-libertà lill-plejers li jkun spiċċalhom il-kuntratt (free agents), li jingħaqdu ma’ liema klabb iridu huma. Huwa prinċipju effettiv fil-pajjiżi tal-UE ħlief fi gżiritna, fejn hawnhekk għadu jeżisti l-parametru. Kollox beda fl-aħħar tal-istaġun 1989/1990, meta Bosman li kien jilgħab fil-Belgju mat-tim ta’ RFC Liege, kien spiċċalu l-kuntratt. Madankollu, biex jitlaq xorta waħda l-klabb li jkun iridu, kellu bżonn iħallas il-parametru, u Bosman ħa spunt minn din is-sitwazzjoni sabiex jibda din ir-rivoluzzjoni kalċistika. Wara ħames snin ta’ battalji legali, Bosman irnexxielu jieħu dak li ġġieled għalih, hekk kif il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, emendat dan l-Artiklu filwaqt li anke għamlet emendi oħra li ħallew impatt fil-futbol, per eżempju l-ammont ta’ plejers barranin li huma eliġibbli f’kull kampjonat. Nieħdu eżempju bil-ġrajja sabiħa ta’ Leicester City. Li kieku ma kienx bis-saħħa ta’ Bosman, kieku Leicester qatt ma setgħu jirbħu kampjonat minħabba l-ammont ta’ plejers li ġabu b’xejn u li kollha lagħbu rwoli importanti fosthom Christian Fuchs, Nathan Dyer, Marc Albrighton u N’Golo Kante. Infatti, Bosman iddeskriva dan it-titlu bħala suċċess għall-futbol Ewropew u dak mondjali u jemmen li kapaċi jagħti bidu ġdid għall-futbol fejn jidħlu oqsma ta’ trasferimenti.
Li kieku ma kontx jien, Ronaldo u Messi ma kienx jirnexxielhom jaslu sa fejn waslu llum
Fuq l-istess punt, dawn huma l-iktar 10 trasferimenti importanti u famużi taħt ir-regola ta’ Bosman. Robert Lewandowski, mingħand Borussia Dortmund għal mar-rivali ta’ Bayern Munich. Trasferiment bejn żewġ klabbs rivali kien dak ta’ Sol Campbell, li minn ma’ Tottenham Hostpur, kien ingħaqad ma’ Arsenal, fejn rebaħ anke t-titlu tal-istaġun 2003/2004 mingħajr telfa. Lura fl-1999, Steve McManaman kien ingħaqad mat-tim ta’ Real Madrid wara l-esperjenza ma’ Liverpool, fejn hemmhekk rebaħ anke l-UEFA Champions League. Andrea Pirlo wkoll ingħaqad mat-tim ta’ Juventus permezz ta’ din ir-regola, fejn ġewwa Turin kompla bil-maġija tiegħu fejn żied iktar unuri fil-vetrina personali tiegħu. Trasferiment ieħor li seħħ ġewwa l-Italja kien dak ta’ Roberto Baggio, fejn fl-1997 huwa kien inħall minn mat-tim ta’ AC Milan u ngħaqad ma’ Bologna. Protagonista reġgħet kienet l-Italja, li fl-2004 laqgħet lil Esteban Cambiasso li wara li spiċċalu l-kuntratt ma’ Real Madrid, huwa ngħaqad mat-tim ta’ Inter. Bl-istess trasferiment imbagħad, ħalla lill-Inter u mar fl-Ingilterra sabiex ingħaqad mat-tim ta’ Leicester City. Barcelona wkoll kienu approfittaw minn din ir-regola, meta fl-2004 huma kienu ġabu lill-attakkant Żvediz, Henrik Larsson, wara li kien telaq minn ma’ Celtic. Diġà semmejna żewġ trasferimenti li raw involuti timijiet Ingliżi, u tliet trasferimenti oħra fejn hemm ikkonċernati timijiet mill-Ingilterra huma dawn. Fis-sena 2000, Brad Friedel kien ħalla lil Liverpool fejn ingħaqad ma’ Blackburn. Sena wara, reġgħu kienu Liverpool involuti f’sitwazzjoni hekk, fejn kienu ġabu lil Markus Babbel. Ħames snin wara, il-leġġenda tal-futbol Ġermaniż Michael Ballack, kien spiċċalu l-kuntratt minn ma’ Bayern Munich u ngħaqad mat-tim ta’ Chelsea.
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Bdejt nilgħab il-futbol minn ta’ età żgħira fejn kont immur nilgħab fil-playgrounds, imbagħad kont ingħaqadt mal-akkademja ta’ Standard Liege.
Xi tgħidilna dwar il-karriera kalċistika waqt li kont tilgħab, speċjalment fiż-żmien ma’ Charleroi u Standard Liege?
Bdejt fl-età ta’ 10 snin ma’ Standard Liege u mbagħad bqajt tiela’ sakemm bdejt nilgħab mat-tim tal-kbar fl-età ta’ 17-il sena, fejn lgħabt ma’ plejers bħal Eric Gerets.
Il-Bosman Ruling waqqfet l-abbużi fuq il-plejers bla kuntratt, iżda minkejja dan, f’Malta qiegħed nara li s-sitwazzjoni ma nbidlitx
Int ħallejt impatt enormi fuq il-futbol mondjali speċjalment permezz tal-’Bosman Ruling’. Irrakkontalna x’ġara eżatt.
Kont nilgħab mat-tim ta’ R.F.C De Liege u li ġara kien, li spiċċali l-kuntratt u xtaqt nibda avventura oħra. Iżda l-klabb tiegħi ma ħalliniex għaliex ried il-ħlas tal-parametru tiegħi, u kien hemmhekk li beda kollox.
Inkredibbli huwa l-fatt li minkejja li wara kollox qbiżt għad-drittijiet tal-plejers, xorta waħda spiċċajt biex tlift kollox. Għaliex ġara dan?
Huwa minnu dan kollu li qiegħed tgħid. Matul din il-battalja legali kelli ħafna reżistenza min-naħa tal-FIFA u tal-UEFA, fejn anke kont meqjus bħala għadu tal-futbol iżda madankollu bqajt għaddej.
Minn rapporti estensivi dwarek fuq l-internet, fost oħrajn iltqajt ma’ frażi meta int kont għidt li, li kieku ma kienx għalik, kieku Ronaldo u Messi ma waslux fejn waslu llum. Tista’ tispeċifika iktar dawn il-kummenti tiegħek?
Iva, nerġa’ ngħid li, li kieku ma kontx jien, Ronaldo u Messi ma kienx jirnexxielhom jaslu sa fejn waslu llum. U mhux huma biss. Kien hemm ħafna plejers oħra għaliex il-Bosman Ruling ma waqfitx biss l-abbużi fuq il-plejers bla kuntratt, iżda anke l-ammont ta’ plejers barranin li jistgħu jilagħbu ma’ timijiet fl-Unjoni Ewropea.
Matul din il-battalja legali kelli ħafna reżistenza min-naħa tal-FIFA u tal-UEFA, fejn anke kont meqjus bħala għadu tal-futbol imma madankollu bqajt għaddej
X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek fuq il-kankru tal-betting fil-logħba tal-futbol?
Naħseb li llum il-ġurnata, hemm wisq flejjes involuti fil-logħba tal-futbol fejn spiċċa qisu negozju. Naqbel mal-betting fuq żwiemel u klieb iżda mhux futbol.
Għaddi messaġġ tal-aħħar lil dawk kollha li jħobbu l-logħba tant sabiħa tal-futbol.
Il-Bosman Ruling waqfet l-abbużi fuq il-plejers bla kuntratt, iżda minkejja dan, f’Malta qiegħed nara li s-sitwazzjoni ma nbidlitx. Nixtieq nagħti s-sapport tiegħi lill-plejers Maltin li għaddejjin minn xi sitwazzjoni partikolari u napprezza x-xogħol li qiegħda tagħmel l-MFPA għall-akbar ġid tal-futbol Malti.