L-Editur tal-isports ta' 'The Times' b'kariga għolja fl-MFA

Kevin Azzopardi jinħatar Direttur tal-Komunikazzjoni tal-MFA 

Kevin Azzopardi l-editur sportiv tal-ġurnal 'The Times' se jibda kariga ġdida. Fil-fatt se jkun appuntat Direttur tal-Komunikazzjoni tal-Malta Football Association. Din il-pożizzjoni fl-MFA inħolqot biex ittejjeb l-operat tal-Assoċjazzjoni f’kull qasam. 
 
Norman Darmanin Demajo, President tal-Malta Football Association, qal li l-MFA ilha tħoss il-ħtieġa li tinvesti u ttejjeb aktar l-operat fil-Komunikazzjoni tagħha li jinkludu r-relazzjonijiet pubbliċi, ir-relazzjoni mal-media lokali u komunikazzjoni uffiċjali oħra tal-Assoċjazzjoni.  “Għandna bżonn nilħqu aktar is-sieħba u s-segwaċi tagħna,” qal il-President tal-MFA. Azzopardi għamel 20 sena jaħdem ma’ Allied Newspapers Ltd, il-pubblikaturi ta’ Times of Malta u The Sunday Times of Malta, fil-kariga ta’ Editur Sportiv.  
 
“Ninsab kuntent li Azzopardi aċċetta li jingħaqad mal-MFA. Hi kruċjali li l-Assoċjazzjoni tkompli tinvesti f’nies esperti minn kull qasam biex ittejjeb l-operat tagħha,” qal Angelo Chetcuti, is-Segretarju Ġenerali tal-MFA. Azzopardi jibqa’ mfakkar bħala wieħed mill-aqwa ġurnalisti sportivi tal-pajjiż u se jieħu miegħu fl-MFA esperjenza kbira li akkwista matul is-snin fil-ġurnaliżmu. Hu kien korrispondent regolari tal-Kampjonat BOV Premier u kompetizzjonijiet oħra tal-MFA u minn ta’ quddiem nett biex jirraporta lit-tim nazzjonali Malti fil-partiti kollha. Hu għandu 41 sena u għandu degree BA fil-Komunikazzjoni u rebaħ 6 darbiet l-Annual Sports Journalism Award fil-kategorija tal-‘ġurnaliżmu fil-kitba’ li jorganizzaw l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin. Hu kien ukoll il-korrispondent f’Malta għall-aġenzija internazzjonali ‘Thomas Reuters’. 
 
Kevin Azzopardi jibda fil-kariga tiegħu mill-1 ta’ Frar 2017

More in Sports