Minn Johnson sa Clinton … Il-Presidenti Amerikani li ffaċċjaw impeachment
Fl-ambitu ta’ proċess għaddej kontra Donald Trump il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn il-Presidenti tal-Istati Uniti li bħalu ffaċċjaw il-proċess ta’ impeachment
minn Nader Kabar
Fit-13 ta’ Novembru, 2019 il-Kamra tar-Rappreżentanti vvutat favur żewġ artikoli għall-impeachment, dawn kienu l-abbuż tal-poter, kif ukoll l-ostruzzjoni tal-ġustizzja.
Fit-18 ta' Novembru l-Kamra vvutat fuq iż-żewġ artikoli tal-impeachment, dawn kienu l-abbuż tal-poter, li għadda b’maġġoranza ta’ 32 vot u l-ostruzzjoni tal-ġustizzja, li għaddiet b’maġġoranza ta’ 31 vot. B’hekk id-deċiżjoni tmur quddiem is-Senat biex jivvota. Allura, kemm hu kbir iċ-ċans li Trump ikun impeached?
Mhux bilfors il-każ. Trump mhuwiex l-ewwel President Amerikan li ffaċja l-proċess ta’ impeachment.
Fil-fatt, fl-istorja tal-Istati Uniti, kien hemm Presidenti oħra li kienu impeached, iżda l-ewwel wieħed spiċċa f’xi ċella u tnejn minnhom saħansitra xorta waħda baqgħu Presidenti.
Iżda dan kif seħħ? Għaliex baqgħu Presidenti? L-ILLUM, f’dan l-artiklu se tħares lura lejn l-istorja u tispjega dak li għaddew minnu tliet Presidenti Amerikani.
Andrew Johnson
Is-sena kienet l-1868, u l-Istati Uniti kienet għadha tħoss l-impatt tal-Gwerra Ċivili li kienet spiċċat tliet snin qabel. Il-President, Andrew Johnson kien qed ikollu numru ta’ argumenti mal-Kungress li kien ikkontrollat mir-Repubblikani wara li uża l-veto tiegħu kontra liġi li kienet se tipproteġi d-drittijiet tan-nies li kienu nħelsu mill-iskjavitù.
Fl-1868, u san-nofs tas-seklu 20, ir-Repubblikani kienu l-Partit Liberali.
Dan il-veto, flimkien mal-argumenti kontinwi bejn il-President u l-Kungress, ġiegħel lil dan tal-aħħar biex fl-24 ta’ Frar 1868, jivvota favur l-impeachment tal-President.
Il-Kumitat f’dan il-Kungress tella’ xejn inqas minn 11-il akkuża għall-impeachment u sat-3 ta’ Marzu 1868, kienu approvati kollha.
B’hekk il-każ tressaq quddiem is-Senat.
Is-Senat ħareġ 25 regola għall-impeachment u minnufih beda l-ewwel proċess fl-istorja tal-Istati Uniti biex jitneħħa President.
Mill-11-il artiklu, is-Senat iffoka fuq tlieta li permezz tagħhom ħaseb li kellu l-iktar ċans biex il-President ikun ikkundannat u eventwalment imġiegħel jirriżenja.
Fis-16 ta’ Mejju 1868, 35 Senatur ivvota favur l-impeachment, u 19 ivvutaw kontra. Dan kien ifisser vot wieħed biss inqas mill-maġġoranza ta’ żewġ terzi mitluba mill-Kostituzzjoni biex jitneħħa President.
Għaxart ijiem wara, is-Senat ivvota fuq tnejn mill-artikli, u r-riżultat kien l-istess.
Minħabba dan, l-impeachment ma sarx, u Johnson kompla bil-mandat tiegħu sal-4 ta’ Marzu 1869, fejn ma reġax ikkontesta l-elezzjoni.
F’Marzu ta’ 1875, kien elett bħala Senatur, fejn dam tliet xhur biss qabel ma miet b’kawża ta’ stroke.
Richard Nixon
105 snin wara li falla l-ewwel każ ta’ impeachment beda t-tieni proċess fl-istorja tal-Istati Uniti biex jitneħħa President mill-poter. Din id-darba, il-President kien Richard Nixon.
Il-proċess skatta wara l-iskandlu ta’ Watergate, fejn ħamest irġiel b’konnessjoni ma’ fondi illegali tal-kumitat elettorali ta’ Nixon kienu arrestati wara li daħlu illegalment fil-Kwartieri Ġenerali tal-Kumitat Nazzjonali Demokratiku fl-1972. Dawn kienu daħlu fil-bini biex jieħdu ritratti tad-dokumenti tal-kampanja elettorali tad-Demokratiċi u biex jinstallaw apparat tas-smigħ fit-telefons tagħhom.
L-amministrazzjoni ta’ Nixon ippruvat taħbi dan il-fatt, iżda f’April tal-1974, il-Kumitat tal-Ġustizzja ħarrek lil Nixon biex jirrilaxxa l-awdjo reġistrazzjonijiet tiegħu. Nixon irrilaxxa dawn l-awdjo reġistrazzjonijiet iżda dawn ma kinux kompluti.
Wara dan, il-Kumitat esiġa lill-President biex jirrilaxxa l-awdjo reġistrazzjonijiet il-kompluti.
Nixon irrifjuta, iżda l-Qorti Suprema ordnatlu biex jagħmel dan.
Sat-30 ta’ Lulju 1974, il-Kumitat tal-Ġustizzja approvat tliet artikoli tal-impeachment kontra Nixon.
Fil-5 ta’ Awwissu, Nixon irrilaxxa traskrizzjoni fejn kien ċar li hu kien involut fil-ħabi tal-provi. Minħabba dan, l-ogħla membri tal-Kungress mill-partit Repubblikan, f’laqgħa ma’ Nixon, infurmawh li ma kienx hemm aktar tama għalih u l-impeachment kien kważi kważi ċertezza.
Nixon, fil-fatt, kien irriżenja minn jeddu fid-9 ta’ Awwissu tal-istess sena, qabel, fil-fatt, ma ttieħed il-vot fil-Kamra tar-Rappreżentanti.
Wara r-riżenja tiegħu, kien hemm ċans li Nixon jitressaq quddiem il-Qorti iżda, fosthom minħabba saħħtu, il-President il-ġdid Gerald Ford tah il-maħfra Presidenzjali għal kull reat li ħa sehem, jew seta’ ħa sehem fih waqt li kien President.
Wara dan l-iskandlu, il-Partit Repubblikan tilef ħafna mill-popolarità tiegħu u fl-elezzjonijiet għas-Senat, id-Demokratiċi rebħulhom aktar siġġijiet biex kisbu maġġoranza ta’ żewġ terzi.
Barra minn hekk, fl-elezzjoni Presidenzjali li kien imiss, Gerald Ford tilef kontra l-kandidat Demokratiku Jimmy Carter.
Wara r-riżenja tiegħu, Nixon dar madwar id-dinja fejn kien mistieden jitkellem f’diversi okkażjonijiet. Fil-fatt, kompla jżur bosta pajjiżi, fosthom iċ-Ċina fl-1975 u l-USSR fl-1986. Sa mewtu, Nixon dejjem baqa’ jisħaq li hu innoċenti.
Fit-18 ta’ April 1994 Nixon sofra stroke u wara erbat ijiem miet.
Minkejja dak li wettaq, l-aħbarijiet kienu pożittivi ħafna fuqu. Il-gazzetta The Dallas Morning News kienet qalet li
“l-istorja se turi li minkejja d-difetti tiegħu, hu kien wieħed mill-aħjar Presidenti.” Iżda kien hemm oħrajn, bħall-ġurnalist Hunter S. Thompson, li ddeskriva lil Nixon bħala “mostru politiku minn Grendel u għadu perikoluż immens”.
Sal-mewt tiegħu fl-1994, Nixon kien baqa’ jisħaq li huwa kien innoċenti.
Bill Clinton
Fl-1994, Paula Jones, impjegata tal-Istat ta’ Arkansas fetħet kawża kontra l-President Bill Clinton dwar dak li kienet qed takkużah li wettaq fi żmien meta kien Gvernatur tal-istess Stat.
Clinton kien akkużat li pprova jtawwal il-każ sakemm jispiċċa minn President iżda fl-1997, il-Qort Suprema ċaħdet dan wara li qalet li billi kien President ma jfissirx li ma kellux jiffaċċja l-Qorti Ċivili.
Lejn l-aħħar tal-1997, Linda Tripp, impjegata tas-servizz ċivili, bdiet tirrekordja l-konverżazzjonijiet bejnha u bejn Monica Lewinsky, impjegata fid-Dipartiment tad-Difiża u ħaddiema fil-White House.
Lewinsky qalet li kellha relazzjoni sesswali mal-President.
Fis-17 ta’ Jannar, 1998, f’ġurament maħluf, Clinton ċaħad id-dikjarazzjoni ta’ Lewinsky u qal li qatt ma kellu relazzjoni sesswali magħha. Insista li qatt ma kien waħdu magħha.
Madanakollu, ftit xhur wara, Clinton qal li r-relazzjoni tiegħu ma’ Lewinsky “ma kinitx xierqa.”
Fit-8 ta’ Ottubru, 1998, il-Kamra tar-Rappreżentanti vvutat favur il-bidu tal-inkjesta għall-impeachment ta’ Clinton.
F’Novembru, fl-elezzjoni tal-Kamra, il-Partit Demokratiku rebaħ ħames siġġijiet aktar milli kellu u dan kien kontra t-tbassir tal-Ispeaker tal-Kamra Newt Gingrich, li kien qed ibassar li l-Partit Repubblikan kellu jirbaħ madwar 30 siġġu aktar.
Ftit qabel ma ġie elett l-Ispeaker il-ġdid, Bob Livingstone, irriżenja mis-Senat wara li ħarġet informazzjoni dwaru li kellu relazzjoni barra ż-żwieġ tiegħu. Meta rriżenja, tefa’ aktar piż fuq il-President u qal li bħalu anke Clinton kellu jirriżenja.
Fil-11 ta’ Diċembru 1998 u fil-jiem ta’ wara, il-Kumitat Ġudikatur tal-Kamra vvota favur l-artikli kollha dwar l-impeachment.
Fid-19 ta’ Diċembru, il-Kamra tar-Rappreżentanti vvotat favur l-impeachment fuq każ ta’ sperġur. It-tliet każijiet l-oħrajn kollha ma rnexxielhomx jiksbu maġġoranza.
Fis-7 ta’ Jannar 1999, beda l-każ quddiem is-Senat. Fl-20 tal-istess xahar, is-Senat ivvota favur li jixhdu numru ta’ nies.
Bejn l-1 u t-3 ta’ Frar il-maniġers tal-Kamra semgħu x-xhieda, u fl-4 ta’ Frar, is-Senat ivvota favur li l-awdjo reġistrazzjoni kienu suffiċjenti bħala evidenza.
Fit-12 ta’ Frar, wara tlett ijiem ta’ deliberazzjoni, is-Senat ivvota kontra l-ewwel artikolu u aktar tard lanqas it-tieni artikolu ma għadda. B’hekk, il-każ tal-Impeachment waqa’.
Fl-1998, qabel ma bdiet il-proċedura fis-Senat kien hemm biss terz mill-Amerikani li kienu favur li l-President ikun imneħħi, iżda fl-1999, wara li kien ċar li l-President ma kienx ħa jitneħħa, 57% kienu favur id-deċiżjoni tas-Senat, jiġifieri li l-President jibqa’ fejn hu.
Minkejja li l-popolarità ta’ Clinton mal-poplu ma nbidlitx, il-ħsieb tal-poplu fuq il-karattru nbidel, u kien dan, flimkien mal-iskandlu ta’ Elián González, li ġiegħlet ammont sostanzjali ta’ nies jivvutaw għal George Bush Jr. minflok għal kandidat Demokratiku Al Gore.
Kummentaturi politiċi oħrajn jgħidu li dan kien minħabba l-fatt li Al Gore rrifjuta li jkollu lil Clinton bħala parti mill-kampanja elettorali tiegħu.
Wara l-Presidenza tiegħu, Bill Clinton beda jagħti numru ta’ diskorsi u tkellem f’kull Konvenzjoni Nazzjonali Demokratika s’issa.
Martu Hillary Clinton, fl-2014 qalet li meta Bill ċeda l-pożizzjoni tiegħu, kienu kważi bla flus, iżda minħabba d-diskorsi li ta bejn l-2001 u dik is-sena kienu qegħdin ferm tajjeb.
Fil-fatt Bill Clinton qala’ bejn $100,000 u $300,000 għal kull diskors, u fl-2010 rċieva $500,000 għal diskors quddiem kumpanija li kellha konnessjonijiet qawwija mal-Kremlin.
Fl-elezzjonijiet Presidenzjali tal-2008 u l-2016 kien jappoġġja ħafna lil Hillary Clinton, iżda din tilfet iż-żewġ elezzjonijiet.