In-nirien f’Los Angeles: dak kollu li għandek tkun taf
L-Amerka din il-ġimgħa kienet fl-aħbarijiet għal bosta raġunijiet, fosthom minħabba n-nirien li laqtu l-aktar parti famuża tal-kontinent, Los Angeles
minn Marianna Calleja
Din il-ġimgħa, Los Angeles qiegħda taffaċċja waħda mill-agħar traġedji fl-istorja tagħha. Serje ta’ nirien qerrieda ħakmu diversi żoni madwar il-belt, imqanqla minn irjieħ qawwija u kundizzjonijiet niexfa li ħolqu l-kombinazzjoni perfetta għal katastrofi sħiħa.
In-nar beda nhar it-Tlieta li għadda u għadu qed jinfirex f’ħames żoni differenti ta’ Los Angeles. L-awtoritajiet qed jaħdmu bla waqfien biex jikkontrollaw dawn il-fjammi, iżda ħafna minnhom għadhom mhux ikkontrollati.
S’issa ġew irreġistrati, 10 persuni mejta, għexieren midruba, 179,783 persuna ġew evekwati waqt li 200,000 oħra qegħdin taħt it-twissija ta’ evakwazzjoni.
In-nirien, li kollha ngħataw isem, qed iħallu warajhom staġni sħiħa. In-Nirien Palisades huma fost l-akbar, wara li ħakmu aktar minn 19,000 ettaru ta’ art. F’termini ta’ ħsarat ekonomiċi, qed jiġi stmat li n-nirien kollha se jlaħħqu l-ispejjeż ta’ aktar minn $10 biljun.
Fost il-postijiet magħrufa li jinsabu taħt periklu jew li huma kompletament meqruda hemm il-Hollywood Walk of Fame, Capitol Records, u Griffith Observatory. Numru ta’ ċelebritajiet ukoll kienu milquta, b’nies bħal Paris Hilton, Billy Crystal, u oħrajn jitilfu darhom.
Ix-xena f’Los Angeles bħalissa tidher qisha film ta’ diżastri, nixfa, nar, u irjieħ qawwija, kollox qed jinbela’ f’ħakka t’għajn.
Fejn qegħdin in-nirien?
In-nirien qed jolqtu diversi żoni ta’ Los Angeles, u kull nar għandu l-karatteristiċi tiegħu.
In-Nar Palisades
Dan in-nar beda nhar it-Tlieta filgħodu f’Pacific Palisades, fil-viċinanzi tal-kontea ta’ Los Angeles, lejn il-Lvant ta’ Malibu. In-nar, li beda f’roqgħa ta’ veġetazzjoni, infirex b’mod mgħaġġel u sal-Ħamis filgħaxija kien laħaq 19,978 ettaru, b’6% biss ikkontrollat. Il-Kap tat-Tifi tan-Nar ta’ Los Angeles, Kristen Crowley, iddeskrivietu bħala wieħed mill-aktar diżastri qerrieda fl-istorja tal-belt.
In-Nar Eaton
Beda nhar it-Tlieta filgħaxija ħdejn wied fuq artijiet nazzjonali fit-Tramuntana ta’ Downtown Los Angeles. Dan in-nar żdied għal 13,690 ettaru sal-Ħamis filgħaxija u għadu kompletament taħt l-ebda kontroll. Il-Kap tat-Tifi tan-Nar tal-Kontea, Anthony Marrone, wissa li sa 5,000 struttura jistgħu jiġu meqruda jew affettwati.
In-Nar Hurst
Dan il-ħruq beda wkoll nhar it-Tlieta filgħaxija f’Sylmar, fil-viċinanzi ta’ subborg fit-Tramuntana ta’ San Fernando. Beda minn ħruq żgħir ta’ veġetazzjoni li malajr kiber għal 771 ettaru. Sal-Ħamis filgħaxija, kien 37% kontenut, iżda għadu jhedded diversi komunitajiet fil-viċinanzi.
In-Nar Lidia
Nhar l-Erbgħa waranofsinhar, in-nar Lidia faqqa’ ħdejn Acton, żona rurali bejn is-Sierra Pelona u l-muntanji San Gabriel. Dan kien wieħed mill-ftit nirien li l-pumpiera irnexxielhom jikkontrollaw b’75%, bil-ħruq jitfaċċa fuq 394 ettaru.
In-Nar Kenneth
Wieħed min-nirien li faqqa’ l-aħħar, beda nhar il-Ħamis filgħaxija fiż-żona ta’ Woodland Hills, ħdejn Calabasas. L-uffiċjali qalu li l-ħruq infirex għal 960 ettaru u għadu mhux taħt kontroll, iżda l-progress tiegħu kien waqaf grazzi għall-isforzi tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar.
In-Nar Sunset
Dan in-nar kien wieħed mill-aktar żgħar iżda xorta perikoluż peress li faqqa’ ħdejn Runyon Canyon fiż-żona famuża tal-Hollywood Hills nhar l-Erbgħa filgħaxija. Għalkemm infirex għal 60 ettaru, l-awtoritajiet irnexxielhom jikkontrollawh kompletament sal-Ħamis.
Għaliex nirien bħal dawn fis-suppost kesħa ta’ Jannar?
Il-kawża ewlenija hija r-riħ Santa Ana, magħruf għan-natura estrema tiegħu f’xhur xitwin, b’veloċità li tilħaq sa 161 km fis-siegħa. Kif qalu l-esperti diġà, ir-riħ, u l-ħaxix niexef, ma tantx jgħinu.
Esperti xjentifiċi, bħal Dr Daniel Swain tal-UCLA, qed iwissu li dawn l-avvenimenti qed isiru aktar frekwenti minħabba t-tibdil fil-klima.
Sheriff Robert Luna ħeġġeġ lill-abitanti biex ma jinjorawx l-ordnijiet ta’ evakwazzjoni, għax inkella jistgħu jaffaċċjaw arrest. Fl-istess waqt, qed jinqabdu nies jisirqu minn żoni milquta, u fil-fatt diġà ġew arrestati 20 persuna.
Minkejja li l-irjieħ bdew jonqsu, il-periklu għadu hemm. L-uffiċċju tat-temp nazzjonali qal li l-livelli baxxi ħafna ta’ umdità se jkomplu jżidu mal-periklu tan-nirien għall-ġranet li ġejjin. Dan kollu jfisser li Los Angeles għadha għaddejja minn kapitlu traġiku u inċert.
Sadanittant, il-President Joe Biden ħabbar għajnuna federali biex tgħin fit-tifi tan-nar u fir-riabilitazzjoni tal-komunitajiet milquta.