Il-President Franċiż Emmanual Macron iddikjara “l-ewwel rebħa” kontra l-kriżi tal-COVID-19 u wiegħed li Franza ħadet tagħlima mill-impatt li l-pandemija kellha fuq l-ekonomija u s-sistema tas-saħħa.
F’indirizz lin-nazzjon mill-Palazz Presidenzjali, Macron saħaq li Franza, inkluż ir-reġjun Ile de France huma meqjusa siguri.
Hekk, mil-lum, anke f’Pariġi fetħu mill-ġdid il-kafetteriji u r-ristoranti, kważi ħmistax wara l-bqija tal-pajjiż.
Apparti minn hekk, il-fruntieri ta’ Franza ma’ pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropea nfetħu mill-ġdid filwaqt li Franza se tkun qed tilqa’ turisti li ġejjin minn pajjiżi minn barra l-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Lulju, iżda mill-pajjiżi biss fejn l-epidemija kienet ikkontrollata.
Turisti minn Spanja u anke r-Renju Unit se jkunu qed jintalbu jagħmlu kwarantina ta’ 14-il ġurnata.
Apparti minn hekk il-kindergartens u anke l-iskejjel għall-istudenti li għandhom inqas minn 16-il sena se jkunu qed jinfetħu mill-ġdid fit-22 ta’ Ġunju.
“Se jkollna Franza lura. Dan ma jfissirx li l-virus ma għadux magħna u li ma għandnix nieħdu ħsieb. Għalissa rridu nibqgħu nirrispettaw id-distanza soċjali għal ħafna żmien. Is-sajf 2020 mhux se jkun sajf bħall-oħrajn,” insista.
Mill-1 ta’ Lulju anke Malta se tkun qed tiftaħ it-titjiriet tagħha lejn Franza, inkluż għar-reġjun Ile de France.