Fuq l-għatba ta' kunflitt kummerċjali: Żieda fit-tariffi ta' Trump

 It-tariffi ġodda mill-President Amerikan Donald Trump jibdew japplikaw mil-lum • Malta bħala parti mill-Unjoni Ewropea tista tintlaqat b'mod indirett minn dawn it-tariffi 

Trump iddeskriva dawn il-miżuri bħala “pass neċessarju” biex jipproteġi l-industrija Amerikana (Ritratt: Donald Trump/Facebook)
Trump iddeskriva dawn il-miżuri bħala “pass neċessarju” biex jipproteġi l-industrija Amerikana (Ritratt: Donald Trump/Facebook)

Fis-6 ta’ dalgħodu daħlu fis-seħħ it-tariffi l-ġodda mħabbra mill-President Amerikan Donald Trump. Dawn it-tariffi, li jvarjaw minn 10% sa aktar minn 100%, jolqtu b’mod partikolari lill-ekonomija Ċiniża – b’livell rekord ta’ 104% f’ċerti kategoriji ta’ prodotti.

Trump iddeskriva dawn il-miżuri bħala “pass neċessarju” biex jipproteġi l-industrija Amerikana u jerġa’ jqajjem is-settur manifattur mill-ġdid. Madankollu, l-effetti tagħhom bdew jinħassu globalment – minn Wall Street, sal-Asja, u b’riperkussjonijiet politiċi f’diversi pajjiżi. It-tariffi ġodda ġew wara ġimgħat ta’ tensjonijiet intensifikati bejn l-Istati Uniti u numru ta’ ekonomiji ewlenin, fosthom l-Unjoni Ewropea, il-Ġappun, il-Kanada u l-aktar waħda milquta – iċ-Ċina. Skont rapporti internazzjonali, prodotti Ċiniżi li jiġu esportati lejn l-Istati Uniti issa qed jaffaċċjaw tariffi kumulattivi ta’ 104%, wara żieda addizzjonali ta’ 50% fuq it-tariffi ġa imposti. 

B’reazzjoni, Beijing ħabbret li se timponi tariffi ta’ 34% fuq prodotti Amerikani sa minn għada. Il-konsegwenzi diġà qed jidhru fis-swieq finanzjarji. Wall Street rat l-agħar ġimgħa tagħha sa mill-pandemija tal-COVID-19. L-indici ewlenin f’Tokyo u Hong Kong naqsu b’aktar minn 2.5%, filwaqt li muniti Asjatiċi bħall-won tal-Korea t’Isfel u l-yuan Ċiniż għamlu livelli rekord ta’ tnaqqis kontra d-dollaru Amerikan.

Fl-istess waqt, il-prezz taż-żejt Amerikan (WTI) niżel taħt il-livell ta’ $60 – l-ewwel darba sa minn April 2021.

Malta, bħala membru tal-Unjoni Ewropea, tista’ tkun affettwata indirettament minn dawn it-tariffi, speċjalment fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali. Il-miżuri ta' Trump fuq il-prodotti Ċiniżi jistgħu jżidu l-ispejjeż tal-importazzjonijiet, li jkollhom impatt fuq il-prezzijiet f’Malta, filwaqt li t-tariffi fuq il-prodotti Amerikani jistgħu jaffettwaw il-kummerċ mill-pajjiż tagħna.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen f’telefonata mal-Premier Ċiniż Li Qiang esprimiet tħassib dwar l-eskalazzjoni kontinwa. Hi appellat għal stabbiltà u negozjati, b’reazzjoni għat-tariffi ta’ 20% li l-UE mistennija taffaċċja fi żmien qarib. Fl-istess ħin, Trump ħabbar ukoll li tariffi ġodda fuq il-mediċini se jiġu mħabbra “fi żmien qasir.”

Diversi ekonomisti u esperti kummerċjali wissew dwar il-perikli ta’ din il-politika. Skont ħafna minnhom, għalkemm l-għan ta’ Trump hu li jerġa’ jqajjem il-produzzjoni domestika, il-proċess jista’ jieħu snin u jista’ jwassal għal inflazzjoni ogħla għal konsumaturi Amerikani.

 

More in Barranin