L-Ambaxxata Amerikana f’Malta fil-periklu li tingħalaq minħabba tnaqqis fil-baġit

L-Amminstrazzjoni ta' Trump beħsiebha tnaqqas il-baġit tad-Dipartiment tal-Istat • Skont rapport ta’ Reuters, l-Istati Unit qed jikkunsidraw jagħlqu sa 30 rappreżentanza diplomatika Amerikana madwar id-dinja

L-Ambaxxata Amerikana f'Ta Qali, Ħ'Attard (Ritratt: James Bianchi/ILLUM)
L-Ambaxxata Amerikana f'Ta Qali, Ħ'Attard (Ritratt: James Bianchi/ILLUM)

L-Ambaxxata Amerikana f’Malta sabet postha fost għaxar ambaxxati Amerikani li l-amministrazzjoni tal-President Amerikan Donald Trump qed jiġu tikkunsidra tagħlaq bħala parti minn pjan estensiv biex inaqqsu l-infiq, skont dokumenti interni miksuba minn Reuters.

Il-proposta, li għadha qed tiġi riveduta, tissuġġerixxi li tnaqqas il-baġit tad-Dipartiment tal-Istat b'nofs—minn $54.4 biljun għal $28.4 biljun—għall-perjodu fiskali tal-2026. Waħda mill-iktar miżuri drastiċi fil-pjan hija l-possibbiltà li jingħalqu 27 rappreżentanza diplomatika Amerikana madwar id-dinja, inklużi ambaxxati fl-Ewropa u l-Afrika.

F’memorandum separat, Malta speċifikament tissemma bħala waħda mill-pajjiżi fejn l-ambaxxata tagħha qed serjament tiġi kkunsidrata biex tingħalaq. Fost l-ambaxxati l-oħra li qed jiġu kkunsidrati għall-għeluq hemm dawk fil-Lussemburgu, l-Eritrea, il-Gambja, u l-Maldivi.

It-tnaqqis baġitarju drastiku jagħmel parti minn inizjattiva usa’ biex jitnaqqas id-daqs tal-gvern federali Amerikan, xprunata mill-White House Office of Management and Budget flimkien mad-dipartiment il-ġdid imsejjaħ id-Dipartiment tal-Effiċjenza Governattiva, immexxija mill-biljunarju Elon Musk.

Jekk dawn il-proposti jitwettqu, jistgħu jwasslu wkoll għall-eliminazzjoni ta’ programmi ta’ għajnuna barranija bħall-USAID, kif ukoll għat-tmiem ta’ inizjattivi li ilhom għaddejjin bħall-programm Fulbright, programm ta’ skambju edukattiv u kulturali. Fl-istess waqt, il-finanzjament tal-għajnuna f’każijiet ta’ diżastri internazzjonali u ta' programmi tar-refuġjati jista’ jiġi sostitwit b’inizjattivi iżgħar u limitati ffukati fuq “kriżijiet ġodda u urġenti”.

Għalkemm il-Kungress Amerikan storikament irrifjuta l-proposti ta’ Trump biex inaqqas l-infiq diplomatiku u fuq l-għajnuna barranija, id-dokumenti interni qed juru li hemm ċans li l-amministrazzjoni tagħfas b’mod aktar aggressiv it-tnaqqis baġitarju qabel il-baġit tal-2026.

More in Barranin