Minkejja ż-żieda fil-każi ta' Covid-19, illum fl-Ingilterra tneħħew tista' tgħid ir-restrizzjonijiet kollha marbuta mal-kuntatt soċjali li ddaħħlu fis-seħħ fl-aħħar xhur.
Fil-fatt, issa ma hemm l-ebda limitu fuq kemm jistgħu jiltaqgħu persuni flimkien jew inkella kemm jista' jkun hemm udjenza waqt attivitajiet, bl-istabbilimenti tad-divertiment jiftħu wkoll beraħ il-bibien tagħhom.
Tneħħew ukoll ir-restrizzjonijiet kollha li kienu għadhom imposti fuq il-pubs u r-ristoranti.
Anke l-ilbies tal-maskra mhux se jibqa' obbligatorju għalkemm jibqa' rrakkomandat f'xi postijiet.
Ir-restrizzjonijiet tneħħew minkejja twissijiet li l-każi se jkunu qed jiżdiedu drastikament, bil-Prim Ministru Boris Johnson, li jinsab fi kwarantina, xorta waħda jappella għall-kawtela.
Fil-fatt, xjentisti qed ibassru li l-każi l-ġodda se jkomplu jiżdiedu u sa tard fis-sajf jistgħu jibdew jinstabu mal-200,000 każ kuljum.
Madanakollu, hekk kif 68% tal-adulti issa huma mlaqqma kompletament, il-pazjenti fl-isptarijiet u anke l-imwiet kawża tal-Covid-19, se jkunu ħafna inqas mil-livelli li laħqu kull meta kien hemm mewġa u żieda fil-każi.