Emmanuel Macron rebaħ ħames snin oħra bħala President Franċiż wara rebħa konvinċenti li għamel kontra r-rivali tiegħu, Marine Le Pen.
Minkejja r-rebħa kbira li għamel Macron, Le Pen irnexxielha tikseb l-aħjar riżultat li qatt kiseb il-lemin estrem fi Franza.
Macron kiseb 58.55% tal-voti. Le Pen kisbet 41.45% tal-voti. Id-distakk kien akbar minn kemm kien previst.
Fil-fatt, Emmanuel Macron sar l-ewwel President Franċiż, f'għoxrin sena, li ngħata t-tieni terminu.
Waqt li indirizza lill-partitarji tiegħu quddiem it-Torri Eiffel, Macron qal li se jkun President ta' kulħadd waqt li wiegħed li jgħaqqad il-pajjiż.
Min-naħa tagħha, anke jekk ikkonċediet it-telfa, Le Pen saħqet li r-riżultat li kisbet xorta waħda huwa rebħa għall-partit tagħha.
Din kienet it-tielet darba li Le Pen ikkontestat għall-Presidenza Franċiża. Fil-fatt hi kienet wirtet il-partit li waqqaf missierha fl-2011.
Le Pen kisbet aktar minn 13-il miljiun vot bil-wiegħdiet ewlenija tagħha jkunu li tnaqqas it-taxxa, tindirizza l-għoli tal-ħajja u anke referendum fuq il-kontroll tal-immigrazzjoni, fost oħrajn.
Votant minn kull tlieta ma vvotawx f'din l-elezzjoni, hekk kif it-turnout kien inqas minn 72%, l-inqas mill-1969. Aktar minn tliet miljun persuna ħassru l-vot tagħhom.