Ir-Russja, mill-ġdid, wettqet diversi attakki bil-missili fuq bliet Ukreni, inkluż il-Kapitali Kjiv.
L-attakki waslu għal qtugħ fil-provvista tal-elettriku u anke tal-ilma f’diversi bnadi.
Minn tal-inqas żewġ attakki kienu rrapportati fil-kapitali, b’distretti residenzjali sħaħ jinsabu bla dawl.
Fil-belt ta’ Kharkiv, l-attakki kellhom fil-mira tagħhom faċilitajiet infrastrutturali importanti.
F’Dnipro, l-attakk seħħ fuq impjant tal-elettriku.
L-attakki seħħew ftit sigħat wara li r-Russja weħħlet fl-Ukrajna għal attakk bi drones fil-Krimea.
Sa issa għadu mhux magħruf jekk kienx hemm vittmi.
Sadanittant, ir-residenti fl-ibliet u r-reġjuni milquta qed ikunu mħeġġa jibqgħu fix-xelters hekk kif hemm ċans ta’ aktar attakki.
Il-kelliem għall-armata Ukrena, Yuriy Ihnat, qal li r-Russja użat bombi strateġiċi biex twettaq dawn l-attakki u qal li l-Ukreni rnexxielhom iwaqqfu numru ta’ missili milli jilħqu l-miri tagħhom.