Minkejja d-disfatta tal-elezzjonijiet ta’ nofs it-terminu, l-eks President Amerikan Donald Trump ħabbar b’mod uffiċjali li se jkun qed jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni Presidenzjali fl-2023.
“Irridu nsalvaw pajjiżna,” qal Trump waqt attività fi Florida li matulha nieda l-kampanja tiegħu.
Trump ħabbar dan fl-istess ħin li bosta minn sħabu r-Repubblikani qed iweħħlu fih għar-riżultat li kisbu fl-elezzjonijiet tal-mid-term.
Ir-Repubblikani, iżda anke s-Sondaġġi, kienu qed ibassru ‘mewġa ħamra’ hekk kif huma kellhom jirbħu totalment il-kontroll tal-Kungress Amerikan u jagħtu daqqa lill-Presidenza ta’ Biden.
Madanakollu dan ma seħħx u ħafna mill-kandidati li Trump kien qiegħed jikkampanja favurihom, baqgħu l-art.
Id-Demokratiċi ta’ Biden żammew il-kontroll tas-Senat kontra dak imbassar u anke jekk ir-Repubblikani għad għandhom ċans jirbħu l-Kamra tar-Rappreżentanti, il-maġġoranza se tkun ħafna inqas minn dak imbassar.
Fil-fatt, Biden kiseb l-aħjar riżultat li President Amerikan qatt kiseb fl-ewwel elezzjonijiet tal-mid-term u dan minkejja li s-sondaġġi ma kienu favurih xejn.
Min-naħa tiegħu, Biden għadu ma kkonfermax b’mod uffiċjali li se jkun qed jitlob lill-Amerikani jagħtuh it-tieni terminu.
Fid-diskors tiegħu, Trump li għandu 76 sena qal li l-Istati Uniti sejrin mill-ħażin għall-agħar u li l-aħħar sentejn, għall-Amerikani, kienu snin diffiċli, ansjetà u disperament.
“Biex nerġgħu nagħmlu lill-Amerika qawwija u glorjuża mill-ġdid, qed inħabbar il-kandidatura tiegħi għall-Presidenza tal-Istati Uniti.”
Madanakollu ma jfissirx li Trump se jkun il-kandidat uffiċjali tar-Repubblikani għax kollox jiddependi mill-elezzjonijiet li jsiru qabel fejn mistenni jkollu xi ftit ta’ sfida.
Fl-aħħar jiem, anke dak li kien il-Viċi President ta’ Trump, Mike Pence qal li qed jikkunsidra jikkontesta u bosta qed isemmu lill-Gvernatur ta’ Florida, Don DeSantis li għad għandu biss 44 sena u kiseb riżultat tajjeb ħafna fl-aħħar jiem.