In-numru ta' vittmi li ħalla t-terremot fit-Turkija u anke s-Sirja diġà tela' għal 15,000 persuna mejta, il-maġġoranza l-kbira tagħhom jew madwar 13,000 irrapportati li tilfu ħajjithom fit-Turkija. Dan it-terremot ta' qawwa 7.8 fuq l-Iskala Rikter u t-terremoti sussegwenti waslu għal għal devastazzjoni totali, bil-President Tork Recep Tayyip Erdogan jammetti nuqqasijiet fir-rispons tal-pajjiż għal dan id-diżastru naturali.
Esperti qed jgħidu illi issa li għaddew sigħat minn meta seħħ dan id-diżastru ċ-ċans li jinstabu ħajjin in-nies qiegħed dejjem jonqos u jwissu wkoll illi minħabba l-ammont enormi ta' ġebel u terrapien in-numru finali ta' dawk li mietu se jibqa' jiżdied.
Dan kollu apparti l-fatt li l-kesħa kbira li qed tagħmel fil-Belt ta' Malatya - fejn seħħ it-terremot - qed twassal għal biża' li diversi nies li baqgħu ħajjin taħt il-ġebel u t-terrapien, xorta mietu ffriżati. Fil-fatt mas-sit SkyNews raġel li kien qed jassisti fis-salvataġġ qal li probabbilment mil-lum - tliet ijiem wara t-terremot - ħadd ma hu se jittella' mit-terrapien ħaj.
Intant, filwaqt li kkritika dak li sejjaħ "tixrid ta' gideb" Erdogan wiegħed illi l-Gvern se jkun qed iqassam 10,000 lira torka lil kull famija affetwata bit-terremot.
It-Turkija tinsab f'żona fejn iseħħu ħafna teremoti hekk kif jmissu ma' xulxin tliet blatiet tettoniċi - L-Għarbi, l-Anatoljan u l-Afrikan - li jgħafsu kontinwament kontra xulxin. Il-blat tettoniku Għarbi qed jagħfas lejn it-tramuntana b'rata ta' 11-il millimetru fis-sena jgħid is-Sesmoloġista Stephen Hicks mill-University College, ta' Londra. Għlhekk il-blat tettoniku Anatoljan qed jkun imbuttat lejn il-punent.
Għalhekk it-Turkija għandha żewġ 'faults' maġġuri minn fejn joriġinaw it-terremoti, bil-post fejn seħħ dan it-terremot ikun ilu ma jara wieħed ta' dan id-daqs.