Għargħar fil-Libja iħalli ħerba b'eluf mejtin
L-aktar milquta hija l-belt ta' Derna, wara li kkollassaw ħitan li jservu ta' lqugħ mill-ilma
More in Barranin
L-aktar milquta hija l-belt ta' Derna, wara li kkollassaw ħitan li jservu ta' lqugħ mill-ilma
Il-Libja kompliet iżżid mal-lista ta’ pajjiżi fejn il-maltempata Daniel ħalliet ħerba enormi, hekk kif l-għargħar kaxkar kull ma sab quddiemu fir-reġjun tal-grigal. Uffiċċjali qiegħdin ibassru li n-numru ta’ nies mejtin kapaċi jkun aktar minn 2,000.
L-għaqda Libyan Red Crescent, grupp ta’ voluntiera li għenu fl-evakwazzjoni tar-residenti, jemmnu li 300 persuna mietu fil-belt ta’ Derna biss. Dan huwa apparti is-6,000 persuna li ma nstabux, hekk kif ħitan li jżommu l-ilmijiet ikkollassaw,
Xita qalila tul tmiem il-ġimgħa kienu kaġun li x-xmajjar faru, u l-forza li bihom imxew l-ilmijiet kaxkret magħha mijiet ta’ djar u toroq. Numru ta’ residenti kitbu fuq il-midja soċjali li jinsabu maqbduin f’djarhom u fil-karozzi tagħhom.
Derna tidher li ntlaqtet l-aktar gravi, hekk kif il-maġġoranza tal-belt tinsab mgħerrqa taħt l-ilma. Il-Kunsill Lokali tal-belt iddeskriva s-sitwazzjoni bħala waħda “katastrofika,” u li l-belt qed titkarrab għall-għajnuna.
Uħud mill-iġsma tal-vittmi jinsabu mxerrdin madwar il-belt, wara li nġarru mill-ilmijiet, hekk kif uffiċċjali tas-salvataġġ qed isibu diffikultajiet sabiex jaċċessaw ċertu żoni.
Il-bliet ta’ Bayda u Shahhat ukoll kienu fost il-positijiet li rrikjedu l-evakwazzjoni tar-residenti.
Il-Gvern tal-Libja ħabbar waqt laqgħa t’emergenza it-Tnejn 11 ta’ Settembru, li ntbagħtet l-għajnuna fiż-żona, filwaqt li ddikkjara tlett ijiem ta’ luttu għall-vittmi.
Gvernijiet barranin ukoll qed joffru l-għajnuna tagħhom, fosthom dak Amerikan kif ukoll dak tal-Emitari Għarab Magħquda.