Il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina kompla jeskala drastikament hekk kif grupp militanti Palestinjan magħruf bħala Ħamas attakka lill-Iżrael. Ħamas kellu fil-mira tiegħu bliet Iżraeljani li attakahom b’rokits t’għamla Iranjana f’temp qasir. L-Iżrael kien pront jirrispondi lura għal dawn l-attakki b’bumbardamenti mill-ajru fl-istrixxa ta’ Gaża.
Il-Istat Iżraeljan b’hekk ħabbar assedju assolut kif ukoll qtugħ ta’ dawl, ilma u provvisti essenzjali oħra fuq Gaża. L-awtoritajiet ta’ Iżrael ikkonfermaw li 1,200 persuna inqatlu u aktar minn 3,000 indarbu hekk kif persuni armati kkawżaw straġi sħiħ f’komunitajiet Iżraeljani. Fuq in-naħa l-oħra, il-Ħamas ħa taħt il-ħakma tiegħu madwar 160 Iżraeljan bħala ostaġġ inkluż anjanzi u tfal, u ħafna oħrajn li tilfu ħajjithom traġikament minħabba l-konflitt li baqa’ jintensifika. Dan l-attakk ħalla eluf ta’ nies innoċenti mejta, u oħrajn li jridu jgħixu din il-battalja ta’ biża’ kuljum.
Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-attivist ta’ organizzazjoni xellugi mhux governattiva Moviment Graffitti, Andre Callus u qasam ir-reazzjoni tiegħu fuq dan li qed jiġri bħalissa bejn l-Iżrael u l-Palestina. Callus saħaq li din il-gwerra ma bdietx mil-lum għal għada, iżda ilha għaddejjha għal iktar minn 75 sena. Kompla jgħid li “l-Iżrael kellu proġett kolonjali li beda meta ħadilhom arthom u keċċihom ‘l barra”. Sfortunament dan kompla jintensifika u wassal għal dawn ix-xeni koroh u ta’ swied il-qalb. Huwa kompla jgħid li din l-opressjoni ħarxa bdiet mill-2006, u minn dakinhar ‘il quddiem, il-Gaża ma rat xejn “ħlief ħabs miftuħ”. Affarijiet essenzjali u anke il-ħajja soċjali hija limitata għan-nies tal-Gaża minn mindu l-grupp politiku Ħamas rebaħ l-elezzjoni fil-Gaża stess fl-2006. Minn dakinhar l’hawn ħajjithom tbidlet drastikament. Appart dan, nofs il-popolazzjoni tal-Gaża huma refuġjati mill-Palestina, li sfaw imkeċċija minn darhom fl-1948 minn ġellieda Iżraeljani, li dak iż-żmien kienu ikkunsidrati bħala terroristi mill-Ingliżi, sabiex jinħoloq stat Iżraeljan.
Meta mistoqsi dwar x’intqal mill-Ġnus Magħquda li assedju huwa illegali, Callus stqarr li kollu huwa illegali, iżda dan ma jfissirx li ħa jieqaf. “Il-problema ta’ kunflitti mhix ħa tisparixxi sakemm issir ġustizzja”. Callus kompla jgħid li għaxar snin ilu żar il-Palestina, u “ix-xeni tal-waħx” li ra u ta’ terrur huma xi ħaġa kontinwa ta’ kuljum. Dan l-att ta’ vjolenza ħa jibqa’ jkun hemm sakemm jaslu għall-proċess ta’ paċi.
Callus sostna li biex din il-gwerra forsi tasal fi tmiem, “l-Istat ta’ Iżrael irid iħoss pressjoni, la darba jkun oppressat mhu ħa jkollu l-ebda inċentiv biex ikompli”. La tintlaħaq soluzzjoni “mhux impossibbli li jgħixu flimkien fil-paċi” iżda dan mhux se jsir mill-lejl għan-nar.
Ma waqafx hawn, Callus jgħid li l-Unjoni Ewropea taw importanza biex li “l-Iżrael jista’ jkompli joħroġ din l-istqarrija ta’ kundanna”. Callus jgħid li dak li qalet Metsola fl-avveniment organizzat mill-Parlament Ewropew bħala turija ta’ solidarjetá huwa “ipokrezija tal-waħx” filwaqt li sostna “Il-binjiet inxtegħlu bid-dwal? Le, iżda dawn assistew b’mod attiv lill-Istat Iżraeljan”.
Il-gazzetta ILLUM staqsietu x’pożizzjoni għandha tieħu Malta f’dan il-konfront, u skont Callus Malta minn dejjem uriet sens ta’ simpatija u solidarjetá iżda dan “naqas minħabba l-inġustizzja storika” li ġrat matul is-snin. Callus qal li “hemm bżonn pożizzjoni ċara” u li “din l-inġustizzja kontra l-Palestina trid tieqaf”.
ILLUM tkellmet ukoll ma’ MEP David Agius PN, li min-naħa tiegħu qal li ma jistax jagħti kumment different la l-pajjiż irnexxielu jilħaq fehma waħda skont kif intqal mill-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej. Agius kompla jgħid li “hija xi ħaġa pożittiva” li Malta irnexxiela tilħaq dikjarazzjoni konġunta. Dan hekk kif, il-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej stqarr li jikkundanna dawn it-tipi ta’ attakki għaliex huwa minħabba f’hekk li ħafna nies qed jisfaw vittmi ta’ din il-ħruxija. Il-Kumitat kompla jgħid li dan huwa att inġust u ta’ vjolazzjoni kontra l-liġi internazzjonali. Agius tenna, dak li qal il-Kumitat, li l-Iżrael għandu dritt li jiddefendi lil artu peró għandu jiġri skont il-liġi internazzjnali.
Tkellimna ukoll ma’ Mario Thomas Vassallo, lettru fl-Universitá ta’ Malta, li qal dan il-kunflitt wassal għalih “għax falliet komunitá internazzjonali”. Kompla jgħid li l-Ġnus Magħquda u pajjiżi kbar ma mxewx b’mod ġust u għandu isir “ftehim sura ta’ nies taħt il-Ġnus Magħquda li qatt ma sar qabel bejn l-Iżrael u l-Palestina”. Vassallo kompla jtenni li Malta għandha tieħu post newtrali f’dan il-konfront, “ma tistax tieħu linja jew oħra”. Dan “mhux biex tidher bħala theddida” imma Malta lanqas għandha tinqata’ minn mar-realtá. Skontu, dak li qalet Metsola meta saħħqu l-pożizzjoni tagħhom u li Malta qiegħda id f’id mal-Iżraeljani, kien aħjar li Malta tintervjeni b’mod newtrali u timxi b’mod diplomatiku.