Il-Ġimgħa, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UN) approva riżoluzzjoni bil-għan li ġġib aktar għajnuna f’Gaża, wara jiem ta’ negozjati.
Iżda l-istqarrija ma ssejjaħx għal waqfien mill-ġlied immedjat bejn l-Iżrael u l-Ħamas - minflok issejjaħ biex "jinħolqu il-kundizzjonijiet" ta’ waqfa.
Il-vot kien ġie pospost għal jiem wara li l-Istati Uniti esprimew "tħassib" b'abbozz preċedenti. Eventwalment, l-Istati Uniti astjenew fil-vot finali flimkien mar-Russja.
Aktar kmieni dan ix-xahar, 13 mill-15-il membru tal-kunsill appoġġaw riżoluzzjoni li ssejjaħ għal waqfien mill-ġlied immedjat f’Gaża, iżda l-Istati Uniti rrifjutaw għal din ir-rivoluzzjoni u għamlu veto tagħha, u r-Renju Unit astjena.
L-unika riżoluzzjoni oħra li għaddiet minn meta l-militanti tal-Ħamas attakkaw komunitajiet Iżraeljani fis-7 ta’ Ottubru, kienet dik sponsorjata minn Malta, li sejħet għal “pawżi umanitarji estiżi” f’Gaża.
Intant, ostaġġ Iżraeljan ieħor miet waqt li kien qed jinżamm f’Gaza.
Nhar l-Erbgħa, il-gvern ta’ Gaża mmexxi mill-Ħamas qal li 20,000 persuna kienu nqatlu fl-enklavi minn meta faqqgħet il-gwerra.
Iżrael beda l-offensiva tiegħu wara li ġellieda tal-Ħamas qasmu l-fruntiera, qatlu 1,200 persuna u ħatfu aktar minn 240 oħra.