Maersk, il-kumpanija internazzjonali tat-tbaħħir tal-merkanzija se terġa’ tibda topera fil-Baħar l-Aħmar wara li kienu twaqqfu l-attivitajiet minħabba attakki minn ribelli Houthi fuq bastimenti kummerċjali.
Il-kumpanija żvelat id-deċiżjoni tagħha hekk kif stabilixxit operazzjoni b'sistema ġdida ta’ sigurtà mmexxija mill-Istati Uniti, bl-isem ‘Operation Prosperity Guardian’.
Skont id-dikjarazzjoni ta' Maersk, din l-operazzjoni se terġa' tippermetti l-vjaġġ sikur ta’ bastimenti tat-tbaħħir, u li huwa żvilupp pożittiv ħafna għall-industrija u l-effiċenzja tal-kummerċ globali.
L-operazzjoni tas-sigurtà tinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ diversi pajjiżi, fosthom ir-Renju Unit, il-Kanada, Franza, u Spanja.
Kaġun tal-attakki li saru minn ribelli Houthi appoġġjati mill-Iran, diversi kumpaniji kbar fosthom BP (kumpanija taż-żejt), issospendew xogħolhom, u tbiegħdu mill-Kanal ta’ Suez. Madwar 10% sa 15% tal-kummerċ globali, bi 30% tal-kummerċ tal-kontejners, jiddependi fuq il-Kanal ta’ Suez, li jgħaqqad il-Baħar l-Aħmar mal-Baħar Mediterran.
L-attakki minn Houthi, huma maħsuba li saru bħala azzjoni ta’ ritaljazzjoni kontra l-Iżrael għall-invażjoni f’Gaża. Xi vapuri kellhom ibiddlu r-rotta u jgħaddu madwar il-ponta tan-Nofsinhar tal-Afrika minħabba t-tfixkil li nħoloq.
Fost il-miri tal-attakki fl-inħawi, kien hemm bastiment bil-bandiera ta’ Malta, li nħataf minn individwi mhux magħrufa — x’aktarx pirati Somali — fil-Baħar Għarbi.