Minn mindu beda l-kunflitt f’Gaża, seħħew diversi attakki fil-Baħar l-Aħmar fuq bastimenti tal-merkanzija, u wħud ukoll sfaw maħtufa minn ribelli. Dan kollu ġab miegħu mewġa ta’ inflazzjoni li laqtet il-but ta’ bosta. L-Unjoni Ewropea (UE) nediet il-‘Fit for 55’ – pakkett ta’ liġijiet sabiex tintlaħaq newtralità klimatika. Minn dan is-sett ta’ liġijiet, daħlet fis-seħħ taxxa ambjentali fuq l-industrija marittima.
F’Novembru, il-Houthi, grupp ta’ ribelli mill-Jemen, ħatfu bastiment Iżraeljan u minn dakinhar ’l hawn ħatfu u attakkaw diversi bastimenti oħra.
Peress li l-attakki żdiedu fl-Istrett ta’ Bab el-Mandab fil-bokka tal-Baħar l-Aħmar, il-Houthi, appoġġjati mill-Iran, esprimew li bħala appoġġ għall-Ħamas se jattakkaw kull bastiment li jkun sejjer fid-direzzjoni, jew marbut mal-Iżrael.
Kaġun ta’ dan, diversi kumpaniji marittimi ewlenin, bħall-Mediterranean Shipping Company u Maersk, kellhom jieħdu rotta differenti għall-bastimenti tal-merkanzija tagħhom u jduru mal-Afrika.
Il-Ħamis, l-Istati Uniti nediet attakki kontra ribelli Houthi bħala turija ta’ appoġġ għall-Palestinjani. Il-Gran Brittannja ngħaqdet mal-Istati Uniti fl-attakk kontra Houthi, filwaqt li diversi pajjiżi oħra taw l-għajnuna tagħhom billi pprovdew loġistika u sapport ieħor skont uffiċjali tal-Istati Uniti.
B’rispons għal dan l-attakk, l-UE trid li tibgħat tliet bastimenti tal-gwerra biex jissalvagwardjaw bastimenti oħra fil-Baħar l-Aħmar. Din l-operazzjoni tfasslet f’dokument mis-Servizz Ewropew hekk kif l-Istati Uniti nedew l-attakki tagħhom.
Il-kandidat għall-Parlament Ewropew għall-Partit Laburista, Clint Flores, stqarr li jekk din is-sitwazzjoni ttul, l-assigurazzjoni ħa togħla b’konsegwenza li tiggrava s-sigurtà marittima. Flores qal li jemmen li hemm bżonn policies wiesgħa u li l-Unjoni Ewropea għandha tistabilizza ż-żona bħalma kien seħħ fil-EUCAP Somalia – missjoni reġjonali biex tappoġġja s-sigurtà marittima.
Madwar 15% tal-kummerċ tal-baħar fid-dinja jgħaddi mill-Baħar l-Aħmar fi triqtu lejn il-Kanal ta’ Suez u lejn il-Mediterran. Il-kumpaniji tat-tbaħħir għollew ir-rati tagħhom saħansitra qabel ma bdiet is-sena l-ġdida, b’kontejners ta’ 20 pied raw żieda ta’ 20% fil-prezz u kontejners ta’ 40 pied raw żieda ta’ 24%.
Il-President tal-GRTU, Paul Abela qalilna li la darba bastiment jiġi attakkat jew maħtuf, bastimenti oħra ma jgħaddux mill-istess rotta u jkollhom iduru mal-Afrika. Huwa spjega kif minħabba rotta itwal, li tista’ tiżdied bejn 12 u 15-il ġurnata iktar, se jkollna naffaċċjaw iktar dewmien sabiex jaslulna l-provvisti, li mbagħad jaffettwa l-prezzijiet tal-kontejners. Abela kompla jgħid li kulma jiġri hemm barra, eventwalment jaffettwa anke lill-Port Ħieles.
Min-naħa tiegħu, il-kandidat għall-Parlament Ewropew għall-Partit Nazzjonalista Peter Agius qal li dawn l-attakki fil-Baħar l-Aħmar “ikomplu jaggravaw sitwazzjoni inkwetanti għat-trasport bil-baħar li minn Jannar qed ikollu jġorr taxxa Ewropea fuq l-emissjonijiet li tippenalizza lil Malta b’mod sproporzjonat u li qed tipperikola mijiet ta’ impjiegi relatati mat-trasport f’Malta.”
Huwa sostna li bħala pajjiż tal-Unjoni Ewropea, hemm bżonn li l-UE tieħu azzjoni mill-aktar fis b’operazzjoni ta’ protezzjoni. L-UE għadha toffri sigurtà lill-vapuri “simili għal dak li sar diġà bl-operazzjoni Atlanta”, filwaqt li kompla jgħid li Malta wkoll trid tagħti sehemha f’operazzjonijiet simili “dejjem bil-garanzija li dawn jintużaw biss għal operazzjonijiet ta’ paċi u protezzjoni u ma jiġux involuti fi kwistjonijiet oħra fir-reġjun.”
Konsegwentement, l-inflazzjoni se tkompli tintensifika wkoll permezz ta’ kwistjonijiet ta’ provvista tal-enerġija, peress li tankers taż-żejt u bastimenti li jġorru l-gass lejn l-Ewropa bl-istess mod se jġarrbu spejjeż miżjuda. Din iż-żieda se tkompli tikkontribwixxi għaż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni, li finalment se jġarrbu l-konsumaturi.
Il-kriżi tal-Baħar l-Aħmar qed tkompli tgħakkes wara l-estensjoni tal-UE bl-iskema ta’ Skambju ta’ Emissjonijiet (ETS) fuq l-industrija tat-tbaħħir. L-ETS hija parti mill-pakkett ta’ liġijiet tal-Ewropa ‘Fit for 55’ sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika, u se timponi spiża fuq l-industrija marittima. Din l-iskema nħarġet bl-għan li jittaffew l-emissjonijiet tal-karbonju tal-bastimenti kull darba li jbaħħru f’port tal-UE, jew minn port wieħed għall-ieħor.