Il-President tal-PE Roberta Metsola qalet li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn issaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ difiża u tkun lesta li taffaċja kwalunkwe theddid mingħajr l-għajnuna tal-Istati Uniti.
Iżda Metsola saqħet li “d-difiża Ewropea” għandha “tikkumplimenta u mhux tikkompeti man-NATO”.
Metsola saħqet dan mal-midja Ewropea t-Tnejn li għadda wara l-kummenti tal-ex President tal-Istati Uniti donald Trump wara li qal li “jinkoraġġixxi” lir-Russja biex tattakka membri tan-NATO li ma ħallsux biżżejjed għad-difiża tan-NATO.
Fir-rigward tar-rwol tal-Parlament Ewropew fl-armar tal-UE, Metsola qalet li l-MEPs se jkomplu jimbuttaw biex l-akkwist konġunt u l-iżvilupp tal-armi jiġu "finanzjati mill-Unjoni permezz ta’ baġit iddedikat taħt kodeċiżjoni u skrutinju parlamentari."
L-infiq militari tad-difiża Ewropea laħqet rekord ta’ €270 biljun fl-2023, skont il-President tal-Kunsill tal-UE Charles Michel.
Is-sentiment ta’ Metsola jirripeti dak ta’ Manfred Weber, il-Kap tal-Partit Popolari Ewropew (PPE); ix-xahar li għadda huwa kien tkellem mal-midja fejn qal li l-UE “għandha tkun kapaċi tiddefendi ruħha b’mod indipendenti”.
Weber sejjaħ għal "pilastru Ewropew ta' difiża," inkluż "sistema ta' difiża tal-missili" madwar l-UE kollha u "brigata ta' difiża ċibernetika" biex iwarrbu l-attakki mir-Russja u bnadi oħra. Weber qal ukoll li wasal iż-żmien li jsiru diskussjonijiet ma' Franza dwar kif id-difiża nukleari tal-pajjiż "tista' tkun inkorporata fi strutturi Ewropej."