L-Ukranja aċċettat l-prosposta Amerikana għal waqfien mill-ġlied mar-Russja għal 30 jum wara numru ta’ negozjati f’Jeddah, l-Arabja Sawdija. In-negozjati, li damu bejn tmien u disa’ sigħat, wasslu biex l-Ukranja taċċetta waqfien mill-ġlied immedjat, basta li r-Russja taċċetta wkoll.
“Issa l-pass li jmiss huwa f’idejn ir-Russi,” qal is-Segretarju tal-Istat Amerikan Marco Rubio. Qal ukoll li l-proposta issa ħa tiġi ppreżentata lil Moska.
Bħala parti mill-ftehim, l-amministrazzjoni tal-President tal-Amerka Donald Trump aċċettat li tkompli tiffornixxi lill-Ukranja bl-għajnuna militari u bl-intelligence. Dawn kien waqqafhom Trump wara laqgħa spjaċevoli bejn il-president Amerikan u l-President tal-Ukranja Volodymyr Zelensky.
Trump ukoll ta indikazzjonijiet li hemm ċans ikellem lill-President tar-Russja Vladimir Putin direttament biex jiddiskutu l-proposta għal waqfien mill-ġlied.
Il-bidla fir-relazzjoni bejn l-Ukranja u l-Amerka ħawdet lill-alleati Ewropej, partikolarment lil Franza u l-Ġermanja, li bdew jikkunsidraw isaħħu s-sistemi tad-difiżi tagħhom fil-każ li l-Amerka tieqaf tiggarantixxi s-sigurtà permezz tan-NATO.
Fl-istess ħin, ir-Russja għadha għaddejja bl-aggressjonijiet ġewwa l-Ukranja, fejn bil-mod il-mod qed jirnexxilhom javvanzaw ġewwa t-territorju Ukren.
Andriy Yermak, wieħed mill-assistenti ta’ grad għoli ta’ Zelensky, qal li issa l-pass li jmiss huwa f’idejn ir-Russi, sentiment simili ta’ li qal Rubio. “Ir-Russja trid tgħid ċar u tond jekk iridux il-paċi jew le,” stqarr Yermak.
Reazzjonijiet mill-komunità internazzjonali huma ottimisti iżda kawti fl-istess ħin. Il-President Franċiż Emmanuel Macron qal li dal-ftehim huwa pass importanti għall-paċi.
“Il-ftehim tal-lejla bejn l-Istati Uniti u l-Ukrajna huwa pass importanti għall-paċi li ħdimna lkoll għaliha,” qalet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola f’sentiment simili ta’ Macron. “L-Ewropa se tkompla tagħmel il-parti tagħha biex din il-gwerra tintemm u twassal għal paċi reali, ġusta u dejjiema.”
Min-naħa l-oħra, għalkemm jaqbel mas-sentiment ta’ Macron u Metsola li l-ftehim “huwa pass kruċjali fit-triq għall-paċi”, il-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela għamel enfasi fuq l-użu tad-diplomazija biex naslu għall-paċi u mhux bl-użu tal-militar.
“Pajjiżna jibqa' determinat li l-paċi tinkiseb biss permezz tad-diplomazija madwar il-mejda u mhux pemezz ta' infiq fl-armi,” qal Abela fuq il-midja soċjali.
Iżda s-suċċess tal-ftehim jiddependi fuq jekk ir-Russja taċċettax jew le. Jekk Putin jiddeċiedi li jirrifjuta t-tregwa, mela l-pressjoni taqa’ fuq l-alleati tal-Ukranja biex jibqgħu jappoġġaw lill-Ukreni u jitfgħu pressjoni ekonomika fuq ir-Russja.