Meta l-ambjent jinqered fl-isem l-ambjent: ħerba fl-Amażon biex issir triq għall-COP30

Eluf ta’ siġar fil-foresta Amażon jitqaċċtu sabiex issir triq biex twassal lill-attendenti tal-COP30, summit dwar it-tibdil tal-klima

It-triq li bħalissa qed tinbena f'nofs l-Amażon
It-triq li bħalissa qed tinbena f'nofs l-Amażon

Eluf ta’ siġar qed jitqaċċtu fil-foresta Amażon, fil-Brażil, sabiex tinbena awtostrada biex tiffaċilita t-traffiku maħluqa mill-mexxejja politiċi u kull min iktar se jattendi l-COP30.

Il-COP30, li hija summit dwar it-tibdil tal-klima u li se ssir f’Novembru li ġej, se sseħħ fil-belt ta’ Belem.

Filwaqt li l-gvern tal-Brażil qed jippromwovi t-triq bħala “proġett sostenibbli,” l-ambjentalisti u n-nies tal-lokali jaħsbuha differenti.

Huma rrabjati bil-proġett u bl-impatt ambjentali tiegħu, speċjalment minħabba l-irwol kruċjali tal-Amażon fil-bijodiversità u l-assorbiment tal-karbonju. Barra minn hekk, l-ambjentalisti qed jargumentaw li dal-proġett jaf iwassal għal iktar tqaċċit tas-siġar.

In-nies tal-lokal, li l-għajxien tagħhom jiddependi mill-foresta, qed jitilfu d-dħul tagħhom u jibżgħu iktar tqaċċit tas-siġar biex joperaw iktar negozji.

Min-naħa l-oħra, xi negozjanti qed jilqgħu din it-triq u proġetti oħrajn li ħa jinbnew bis-saħħa tagħha b’dirgħajhom miftuħa, bit-twemmin li ħa tqajjem naqra ħajja fil-belt u saħħaħ l-ekonomija lokali.

Minkejja li l-gvern qed jinsisti li s-summit ħa jissottolinja kwistjonijiet dwar l-Amażon, l-ironija li jitqaċċtu s-siġar għal laqgħa dwar it-tibdil tal-klima u l-ambjent hija notevoli ħafna.

Fil-fatt, dal-inċident jitfa’ d-dubji fuq jekk l-organizzazzjoni ta’ dawn is-summits hiex tmur kontra l-missjoni tagħhom biex jiġġieldu kontra t-tibdil tal-klima.

More in Barranin