Aġġornament 11:40: miżjuda r-reazzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech
Skont il-Ministeru tas-Saħħa tal-Ħamas fil-Gaża, l-Iżrael wettaq attakk tal-ajru estensiv fuq bosta żoni fl-Istrixxa ta' Gaża, mill-Gaża stess sa Khan Younis.
"Il-ministeru tas-saħħa għadd mat-330 mewta, il-maġġoranza tagħhom nisa u tfal Palestinjani, u hemm mijiet feruti, b'bosta minnhom f'kundizzjoni kritika," qal il-kap tal-ministeru Mohammed Zaqut.
Dal-attakk huwa l-ewwel att ta' aggressjoni fuq it-territorju tal-Ħamas mill-Iżrael minn kemm ilhom li laħqu ftehim għal waqfien mill-ġlied madwar xahrejn ilu.
Xi ftit qabel ma seħħ l-attakk, il-forzi Iżraeljani kitbu fuq Telegram li kienu "se jwettqu attakki estensivi fuq infrastruttura tal-organizzazzjoni terroristika Ħamas fl-Istrixxa ta' Gaża." Wara l-messaġġ, kemm il-Ħamas u kemm numru ta' reżidenti fil-Gaża kitbu li kienu qed iseħħu attakki intensivi fuq il-pajjiż.
L-attakki seħħew wara ġimgħat ta' negozjati bla suċċess bejn l-Iżrael u l-Ħamas biex jestendu t-tregwa.
Fil-fatt, Il-Ħamas irrifjutat li tirrilaxxa iktar ostaġġi Iżraeljani jekk ma jkunx hemm garanziji li l-gwerra tintemm. B'hekk il-Prim Ministru tal-Iżrael Benjamin Netanyahu awtorizza l-attakk bħala riposta "għar-rifjut kontinwu [tal-Ħamas] biex jagħtuna lura l-ostaġġi tagħna" u "ċ-ċaħda ta' kull proposta" biex jiġi estiż il-waqfien mill-ġlied.
Għad m'hemmx ċertezza jekk l-attakki humiex kontinwazzjoni tal-gwerra jew mossa min-naħa tal-Iżrael biex jisfurzaw lill-Ħamas iċedu l-aħħar ostaġġi Iżraeljani li għadhom għandhom.
Reazzjonijiet lokali
Il-Prim Ministru ta' Malta Robert Abela kkundanna l-"attakki barbari" tal-Iżrael fuq X. Barra minn hekk, sostna wkoll is-sejħa ta' Malta biex ikun hemm il-paċi madwar id-dinja, kemm fl-Istrixxa ta' Gaża, kemm fl-Ukranja, kif ukoll postijiet oħrajn.
Apparti Abela, iċ-Chairperson tal-Partit Momentum Arnold Cassola rreaġixxa wkoll għall-attakk, fejn qal, "dat-tbiċċir inuman ma jistax jibqa' għaddej."
"Ir-reazzjonijiet brutali, sproporzjonati, u bla ħniena ta' Netanyahu mhumiex aċċettabbli," kompla jgħid Cassola. "Ma nistgħux nibqgħu niċċassaw waqt li Netanyahu jkompli bil-missjoni tiegħu ta' tindif etniku."
B'hekk, qal iċ-Chairman, l-Unjoni Ewropea għandha tieħu inizjattivi diplomatiċi iktar aggressivi biex l-ostaġġi Iżraeljani u Palestinjani jinħelsu.
"U Malta għandha immedjatament tirrikonoxxi l-istat tal-Palestina."
Frar l'għadda, il-Prim Ministru ta' Malta stqarr li għad ma wasalx il-"mument xieraq" biex nirrikonoxxu l-istat tal-Palestina. Dan minkejja pjanijiet biex jitwettaq dar-rikonoxximent.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kiteb li l-attakki huma "pass traġiku lura" fis-sitwazzjoni tal-Istrixxa tal-Gaża. "Il-vjolenza ma tistax tkun is-soluzzjoni. Issa, iktar minn qatt qabel, it-trażżin u d-djalogu għandhom joħorġu rebbieħa."
Grech temm billi sostna s-sapport tal-PN għall-paċi u stabbiltà dejjiema fir-reġjun.