Abela jsostni aktar appoġġ militari għall-Ukrajna minkejja dikjarazzjonijiet kontra n-nefqa militari

Il-mexxejja kollha tal-Unjoni Ewropea, ħlief il-Prim Ministru tal-Ungerija Viktor Orbán, imorru kontra t-talba tal-President tar-Russja Vladimir Putin biex iwaqqfu l-għajnuna militari lill-Ukrajna

F'summit reċenti fi Brussell, 26 mis-27 stati membri tal-Unjoni Ewropea kkonfermaw l-appoġġ tagħhom għas-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

Magħhom, il-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela wkoll ivvota favur it-tisħiħ tad-difiża Ukrena, minkejja d-dikjarazzjonijiet numerużi li għamel kontra n-nefqa militari u l-bżonn tad-diplomazija fis-sitwazzjoni sensittiva bejn ir-Russja u l-Ukrajna.

Fil-fatt, meta attenda laqgħa speċjali dwar id-difiża u d-destin tal-Ukrajna, Abela kien sostna li tiela' biex "jissalvagwardja n-newtralità ta’ Malta, jippromwovi l-paċi, u jiżguraw li l-flus miksuba bi tbatija tal-popli tagħna jmorru biex itejbu l-ħajjiet."

Fl-istess ħin, il-mexxejja Ewropej sfidaw it-talba tal-President tar-Russja Vladimir Putin biex titwaqqaf kompletament l-għajnuna militari lill-Ukrajna bħala parti mill-kundizzjonijiet għall-waqfien mill-ġlied—ftehim li Putin aċċetta parzjalment biss.

F’telefonata riċenti li kellu l-mexxej Russu mal-President tal-Amerka Donald Trump, Putin kompla jagħfas biex tintlaħaq dil-kundizzjoni biex jaċċetta li jwaqqaf l-attakk fuq l-infrastruttura tal-enerġija Ukrena—li hija ħafna ‘l bogħod minn waqfien mill-ġlied għalkollox.

Biex tissaħħaħ id-difiża tal-Ukrajna, l-UE qed tikkunsidra strateġija komprensiva, magħrufa informalment bħala l-pjan "tal-porkuspin tal-azzar". Dan il-pjan jinkludi investimenti sinifikanti f'tagħmir militari avvanzat, bħal sistemi ta' difiża mill-ajru, droni, u diversi tipi ta’ missili.

Din l-istrateġija tirrifletti bidla strateġika tal-UE biex tikseb aktar awtonomija fid-difiża, speċjalment fid-dawl ta' bidliet ġeopolitiċi li qed iwasslu għall-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza fuq appoġġ militari estern.

Madankollu, l-UE qed tiffaċċja sfidi interni fir-rigward tal-għajnuna militari lill-Ukrajna.

Fil-fatt, il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea kollha vvutaw favur il-kontinwazzjoni tal-għajnuna militari lill-Ukrajna—bl-eċċezzjoni tal-Prim Ministru tal-Ungerija Viktor Orbán.

Il-mexxej Ungeriż ilu mill-bidu jopponi l-għajnuna militari għall-Ukrajna, u kważi kważi waqqaf għalkollox il-kontinwazzjoni tas-sanzjonijiet kontra r-Russja darbtejn.

Din l-oppożizzjoni wasslet lil pajjiżi oħra tal-UE biex jikkunsidraw mekkaniżmi alternattivi biex jegħlbu l-veto tal-Ungerija, sabiex jiżguraw l-appoġġ kontinwu għall-Ukrajna.

Barra minn hekk, xi stati membri tal-UE, bħall-Italja u Spanja, bdew ilaqalqu biex japprovaw żidiet fl-għajnuna militari lill-Ukrajna, minħabba konsiderazzjonijiet ekonomiċi u approċċ kawt lejn impenji militari akbar.

Dawn il-pajjiżi qed jistennew ir-riżultati ta' sforzi diplomatiċi għaddejjin, inklużi negozjati ta' waqfien mill-ġlied, qabel ma jimpenjaw ruħhom għal żidiet sinifikanti fl-għajnuna militari.

Bħala reazzjoni ta’ x’ġara, il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelesnky qal, “jiddispjaċini ngħid hekk, imma donnu hemm bżonn ta' pressjoni ġewwa l-Ewropa stess biex nara li dak kollu li jitwiegħed fil-fatt iseħħ.”

“Huwa atteġġjament anti-Ewropew meta persuna waħda tibblokka deċiżjonijiet li huma importanti għall-kontinent kollu jew li diġà kulħadd qabel magħhom.”

It-talba ta' Putin għal waqfien totali fl-għajnuna militari ġiet ukoll mċaħħda minn Trump, li, wara telefonata ma' Zelensky, wiegħed li jgħin lill-Ukrajna ssib sistemi addizzjonali ta' difiża mill-ajru biex tipproteġi l-infrastruttura ċivili, “speċjalment fl-Ewropa.”

More in Barranin