Filwaqt li uffiċjali Amerikani u Russi għaddejjin b'negozjati għall-waqfien mill-ġlied f’Riyadh, fl-Arabja Sawdija, l-Ukrajna għadha qed tlaqqat attakki mir-Russja.
Fil-fatt, l-awtoritajiet Ukreni qed jgħidu li kien hemm attakk Russu tul il-lejl u li r-Russja bagħtet mad-99 dron fl-Ukrajna. Il-forzi Ukreni rnexxielhom iġarrfu 57 dron minn dawn id-99.
Apparti hekk, il-ġurnata ta' qabel, jiġifieri fit-23 ta’ Marzu, il-forzi Russi wettqu attakki estensivi bid-droni f’diversi reġjuni tal-Ukrajna. Dawn l-attakki ħadu l-ħajja ta' mill-inqas seba’ persuni, inkluż tifla ta’ ħames snin.
Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelenskyy, ikkundanna dawn l-attakki u appella għal pressjoni internazzjonali akbar fuq Moska biex twaqqaf l-ostilitajiet. "Dawn l-attakki huma r-realtà ta' kuljum," qal il-mexxej Ukren.
L-attakki Russi kienu mmirati lejn żoni residenzjali, b’mod partikolari f’Kyiv u fir-reġjun ta’ Donetsk, u kkawżaw telf ta’ ħajjiet fost iċ-ċittadini kif ukoll ħsarat infrastrutturali sinifikanti.
Fl-istess ħin, għaddejjin negozjati għall-waqfien mill-ġlied bejn uffiċjali Amerikani u Russi fl-Arabja Sawdija, bl-għan li jwaqqfu attakki fuq l-enerġija u l-infrastruttura ċivili u jistabbilixxu waqfien mill-ġlied marittimu fil-Baħar l-Iswed biex jiġu protetti r-rotot tal-kummerċ.
Dawn id-diskussjonijiet qed isegwu ftehim proviżorju għal waqfien mill-ġlied limitat, għalkemm għad hemm diverġenzi dwar x'għandu jitqies "sit protett".
Filwaqt li Zelenskyy enfasizza l-bżonn ta’ protezzjoni usa’, inklużi infrastrattura tat-trasport bħall-ferroviji u l-portijiet, il-President Russu Vladimir Putin qed jagħfas fuq s-sospensjoni tal-għajnuna militari lill-Ukrajna—kundizzjoni meqjusa inaċċettabbli minn kemm l-Ukrajna u kif ukoll l-alleati tagħha.
L-Unjoni Ewropea kompliet tesprimi l-appoġġ sħiħ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna. F’laqgħa reċenti, il-Kunsill Ewropew tenna l-impenn tiegħu li jipprovdi għajnuna komprensiva lill-Ukrajna, inklużi għajnuna militari u finanzjarja, u enfasizza l-importanza ta’ paċi dejjiema bbażata fuq il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-liġi internazzjonali.
Fil-laqgħa, 26 minn 27 stat membru vvota favur li jkomplu jappoġġaw lill-Ukrajna fil-gwerra. L-unika stat membru li vvota kontra kien l-Ungerija, immexxija mill-Prim Ministru Viktor Orbán.
Il-Prim Ministru ta' Malta Robert Abela wkoll ivvota favur iktar appoġġ marzjali minkejja stqarrijiet kontra l-infiq militari.