Hemm ħafna diżordni ċivili għaddej fit-Turkija bħalissa hekk kif is-Sindku ta' Istanbul Ekrem İmamoğlu ġie arrestat fuq akkużi ta' korruzzjoni.
İmamoğlu, li huwa figura prominenti tal-oppożizzjoni u rival potenzjali għall-President Recep Tayyip Erdoğan, ġie arrestat fid-19 ta' Marzu. L-arrest tiegħu wassal għal protesti madwar il-pajjiż kollu.
Fil-fatt, il-protesti faqqgħu fi bliet kbar, bħala Istanbul, Ankara, u İzmir, b'għexieren ta' eluf ta' ċittadini li ħarġu fit-toroq biex jesprimu l-iskuntentezza tagħhom.
Id-dimostranti raw l-arrest bħala tfixkil politiku, tant li bdew jgħajtu affarijiet bħal "Gvern, irriżenja!" u "Dritt, liġi, ġustizzja!" fil-protesti. F'Istanbul, iltaqgħu ġemgħat kbar f'distretti bħal Saraçhane, Beşiktaş, Kadıköy, u Şişli, filwaqt li kien hemm preżenza qawwija tal-pulizija fi Pjazza Taksim biex jipprevjenu l-protesti.
Ir-risposta tal-gvern involviet l-istazzjonament ta' pulizija għall-kontroll tal-irvellijiet li kienu mgħammra b'apparat bħall-gass tad-dmugħ, balal tal-gomma, u kanuni tal-ilma biex iferrxu l-folol. Il-kunflitti bejn id-dimostranti u l-forzi armati tat-Turkija wasslu biex iweġġgħu u jiġu arresti numru ta' persuni.
Ir-rapporti jindikaw li aktar minn 1,100 individwu ġie arrestat minn kemm ilhom għaddejjin il-protesti, inklużi ġurnalisti li kienu qed jirrappurtaw x'qed jiġri.
Is-sitwazzjoni qed twassal għal tħassib internazzjonali dwar il-proċessi demokratiċi u l-libertà tal-istampa fit-Turkija. Organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ikkundannaw l-arresti u l-użu tal-forza kontra dimostranti paċifiċi.
Min-naħa l-oħra, il-gvern Tork qed isostni li l-ġudikatura taħdem b'mod indipendenti u li l-akkużi kontra İmamoğlu huma leġittimi.
Sakemm jibqa' għaddej id-diżordni, il-Ministeru tal-Intern tat-Turkija waqqaf il-moviment lejn u minn Istanbul, bl-għan li jevita eskalazzjoni futura.
Il-protesti jirrappreżentaw waħda mill-akbar sfidi għall-amministrazzjoni ta' Erdoğan f’dawn l-aħħar snin, u huma xhieda tad-diviżjonijiet politiċi fondi fil-pajjiż.