Negozjaturi tal-Parlament Ewropew u tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea qablu illi jżommu ċ-ċertifikat tal-Covid Ewropew - dak magħruf bħala Green Pass - għal sena oħra, sa Ġunju 2023.
Permezz ta' dan iċ-ċertifikat persuna li tkun se taqsam fruntiera ta' pajjiż tal-UE għal ieħor jkollu l-għażla li jippreżenta ċertifikat validu tal-Covid-19 li juri li persuna ħadet il-booster jew inkella juri test negattiv li jkun sar sigħat qabel jew inkella ċertifikat li juri illi l-persuna fieqet mill-Covid-19 fl-aħħar 180 jum.
Ċertifikat validu, fil-każ ta' Malta huwa wieħed li jibda 14-il jum wara u sa 270 jum wara li tkun ittieħdet l-aħħar doża tal-vaċċin, filwaqt li wara l-270 jum iċ-ċertifikat irid ikun jinkludi d-doża tal-booster biex jibqa' validu.
Inkella persuna trid tippreżenta Test negattiv tal-PCR, li jkun sar 72 siegħa qabel il-wasla ta' persuna minn pajjiż u 24 siegħa qabel fil-każ ta' Rapid Test.
Iċ-Ċertifikat Ewropew kien se jiskadi nhar it-30 ta' Ġunju.
"L-UE trid li jekk jinqala' xi varjant ta' tħassib iċ-ċittadini ewropej jibqa' jkollhom il-libertà li jiċċaqalqu minn pajjiż tal-UE għall-ieħor," qalet stqarrija wara din id-deċiżjoni meħuda nhar it-Tnejn filgħaxija.
In-Negozjaturi qablu wkoll iżda illi l-Istati Membri għandhom jevitaw milli jimponu restrizzjonijiet addizzjonali għal-libertà tal-moviment u li dawn se jitħallew jagħmlu dan biss meta l-miżura tkun "neċessarja, proporzjonata u mhux diskriminatorja."
Vot mistenni jittieħed dwar dan il-ftehim fil-Parlament Ewropew iktar tard dan ix-xahar.