Jonathan Shaw jgħid li l-PN ma jistax jibqa’ jintgħoġob

Shaw jitkellem dwar l-immigrazzjoni irregolari, il-politika tal-PN u l-kandidatura tiegħu

Jonathan Shaw - irrid nibni karriera oħra fil-politika
Jonathan Shaw - irrid nibni karriera oħra fil-politika

Jonathan Shaw hu wiċċ ġdid għal Partit Nazzjonalista. Għandu 40 sena u diġà kiseb bosta suċċessi fil-qasam tan-negozju. Hu sostna li dejjem kien viċin tan-nies u jħobb jisma’ opinjonijiet differenti.

“Jien avviċinajt lill-Partit Nazzjonalista sabiex nagħti sehmi. L-irwol ta’ Membru Parlamentari Ewropew jeħtieġ ammont ta’ negozjati u kapaċitajiet. Din m'iniex ser nagħmilha għax għandi bżonn il-flus jew għax għandi bżonn xogħol, jew għax irrid nirtira jew għax irtirajt u m’għandix x’nagħmel. Iżda rrid nibni karriera oħra fil-politika.”

Il-politika tħoll u torbot man-nies

Jonathan Shaw qal li l-fatt li ma tkunx attiv f’partit ma jfissirx li ma tkunx attiv fil-politika. “Il-politika tħoll u torbot man-nies u meta tkun fin-negozju ssegwiha mill-qrib għaliex taffetwalek in-negozju u l-ħajja ta’ kuljum. Dejjem kont Nazzjonalist u issa wasal iż-żmien f’ħajti li rrid nikkontribwixxi fis-soċjetà u ħassejt li kelli nagħti lura fil-qasam politiku.”

“Kbirt taħt Gvern Nazzjonalista”

Shaw fisser kif tkellem ma’ ċerti individwi fil-politika u dawn kienu sorpriżi ħafna bid-deċiżjoni tiegħu. “Iżda wara li jisimgħu r-raġunijiet tiegħi għalfejn nixtieq nidħol fil-politika, jikkonvinċu ruħhom li nista’ nikkontribwixxi.”

Il-Partit Nazzjonalista għamel sejħa għal nies ġodda sabiex jersqu viċin il-partit u jien kont wieħed minnhom. “Bħal kumpanija jeħtieġ li jkollok demm ġdid. Dan ma jfissirx li min kien hemm qabel mhux tajjeb. Iżda din it-taħlita bejn nies ġodda u oħrajn b’esperjenza hija neċessarja.”

Hu qal li għażel lill-Partit Nazzjonalista għaliex kiber taħt Gvern Nazzjonalista u tah l-opporunità li jistudja u jaħdem.

“Il-PN kien l-għażla naturali tiegħi. Kien hemm drabi fejn ma qbiltx mija fil-mija mal-partit, iżda naħseb li dan huwa normali.”

Il-PN ma jistax jibqa’ jintogħġob

Il-kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jibda jieħu pożizzjoni fuq ċerta kwistjonijiet u dan irrispettivament minn kemm se jirbaħ jew jitlef voti. “Ma tistax tipprova toqgħod tintgħoġob. Dan għaliex fil-politika ma tistax togħġob lil kulħadd. Barra minn hekk, in-nies jirrispettawk meta tieħu pożizzjoni anke jekk ma jaqblux miegħek.”

“Fuq kollox il-partit jeħtieġ li jirranġa sew il-mod ta’ kif jikkomunika u jwassal il-messaġġ tiegħu,” tenna Shaw.

“M'iniex liberali, iżda moħħi miftuħ”

Jonathan Shaw spjega kif bħala stat m'intix tiggverna biss għall-maġġoranza, iżda għal kull individwu. “Fil-politika għandek l-obbligu li żżomm f’moħħok lil kull individwu u li tkun moħħok miftuħ biżżejjed li tifhem id-drittijiet ta’ kulħadd anke jekk ma taqbilx magħhom. Jeħtieġ li toħloq soċjetà inklussiva.

Ma rridux nallarmaw lin-nies

Hu qal li l-Partit Nazzjonalista jaqbel mal-unjoni ċivili għall-koppji tal-istess sess, iżda kien hemm bżonn ta’ numru ta’ emendi fl-Att ippreżentat mill-Gvern Laburista. “Fl-Att kien hemm referenza għall-adozzjoni tat-tfal u din lanqas ma ssibha fl-Att taż-żwieġ. Allura kif se nniżżluha fl-Att tal-Unjoni Ċivili? Il-PN qal li din irridu noħorġuha minn hemm u nirranġaw il-liġi dwar l-adozzjoni.”

Hu semma wkoll li kien hemm referenza għal saċerdot, xi ħaġa li m’għandekx bżonn f’Unjoni Ċivili. “Jidher li l-proċess kien wieħed mgħaġġel ħafna u għaldaqstant kien hemm diversi żbalji.”

Ma naqbilx ma’ min jgħid “jien ma naqbilx ma’ koppja gay li taddotta tfal.” Dan għaliex qed tagħti l-impressjoni li koppja omosesswali mhux kapaċi tkun ġenitur xieraq. “Personalment naf persuni omosesswali li adottaw bħala persuni single. Il-problema hi kif is-soċjetà se taċċetta u tifhem tfal li jkollhom ġenituri omosesswali.”

L-Iskema taċ-Ċittadinanza hi sempliċiment bejgħ

Mistoqsi jekk jaħsibx li l-Iskema taċ-Ċittadinanza tista’ tagħti spinta lill-ekonomija Maltija, Shaw wieġeb li “ma nistgħux nieħdu ċerta deċiżjonijiet għaliex għandna bżonn il-flus. L-Iskema taċ-Ċittadinanza hi sempliċiment bejgħ tal-passaport Malti. Dan mhuwiex aċċettabbli. Minflok nistgħu nagħmlu skema ta’ residenza u mhux ċittadinanza. Il- Gvern irid ikun kapaċi jsib metodi oħra minn fejn iġib il-flus.”

“Possibbli ma tarahiex ġejja u tħalliha tikber daqshekk”

Jonathan Shaw qal li ma jistax jifhem kif il-problema tal-pagi tal-Partit Nazzjonalista waslet fi stat daqshekk ħażin. “Possibbli ma tarahiex ġejja din il-problema u tħalliha tikber daqshekk?! Jiddispjaċini mmens għal ħaddiema li wħud minnhom kellhom jitilqu kontra qalbhom. 

“Iltqajt ma’ ħafna ħaddiema li kollha jagħmlu xogħolhom b’dedikazzjoni kbira u qatt ma ħarsu lejn il-flus. Dan ifisser li f’ċertu pożizzjonijiet trid tkun tifhem u kapaċi tmexxi u mhux sempliċiment politiku.”

Kif se tqarreb l-Ewropa lejn in-nies?

“Għad hawn il-mentalità li Malta hawn u Brussell hemm. Is-suċċessi huma grazzi għall-Gvern u l-problemi grazzi għall-Ewropa. Personalment inħares lejn din il-pożizzjoni bħala karriera u mhux għax għandi bżonn il-flus.'

Shaw qal li jiddejjaq meta jara lil xi ħadd li jkun Membru fil-Parlament Malti joħroġ għal din l-elezzjoni. “Ma narahiex ħaġa xierqa għall-

elettorat.”

Shaw dwar l-immigrazzjoni irregolari

“Dan huwa suġġett diffiċli, sensittiv u fenomenu li għaddejja minnu d-dinja u mhux l-Ewropa biss. Huwa fenomenu għaliex id-dinamika l-ħin kollu tinbidel. Filli għandek problema s-Sirja u filli banda oħra.”

Hu qal li rridu nsibu soluzzjoni għall-immigrant. “Jekk insibu soluzzjoni għall-immigrant awtomatikament insibu soluzzjoni għall-pajjiż. Bħala MEP ma nkunx komdu li npoġġi u nistenna li nsibu soluzzjoni ta’ burden sharing. Għandi d-dubji tiegħi jekk l-istati membri kollha jaqblux mal-burden sharing. Fuq kollox jeħtieġ li naħdmu flimkien ma’ pajjiżi oħrajn.”

Il-PBS importanti li jżomm il-bilanċ

Dwar is-sitwazzjoni tal-PBS, Shaw sostna li tant ngħixu ġo pajjiż żgħir li meta tkun fil-mezzi tax-xandir diffiċli biex tgħatti l-opinjoni politika tiegħek.

“Min imexxi importanti li jżomm il-bilanċ. Jekk qabel kienu jsiru affarijiet mhux xierqa, dawn m’għandhomx isiru issa. Meta tmexxi jew tippreżenta programm u tagħti l-impressjoni li int newtrali u mbagħad ma timxix hekk u wara joħroġ li int mod ieħor, ir-reputazzjoni tiegħek qed tirredikolaha.”

Problema ewlenija li kellu jiffaċċja Lawrence Gonzi

Dwar is-sitwazzjoni tal-PN vis- à-vis John Dalli, Franco Debono u Jeffrey Pullicino Orlando, il-kandidat Nazzjonalista qal li “ħadd ma ried ikun fiż-żarbun ta’ Lawrence Gonzi f’dak iż-żmien. Meta jkollok kwistjonijiet bħal dawn fil-partit tiegħek ma tistax taħdem sew. Wara kulħadd bravu, iżda żgur li xi ħaġa kien hemm. Tant kibret din il-kwistjoni li ma jkunx ġust li jien nikkummenta fuq it-tmexxija ta’ Kap preċedenti. Ċertament, din il-kwistjoni m’għamlitx tajjeb għas-sitwazzjoni politika u ekonomika f’pajjiżna.”

Fattur pożittiv tal-Partit Laburista

“Naħseb li hemm iktar minn ħaġa waħda tajba fil-Partit Laburista. Iżda ħaġa tajba ħafna li għamlu qabel l-elezzjoni hi li ma qagħdux bilqiegħda jistennew in-nies jersqu lejn il-Partit Laburista, iżda ħarġu u avviċinaw nies ġodda. Din hi xi ħaġa li għandu jagħmel kull partit sabiex jiġbed aktar nies lejh.”

Shaw semma wkoll deċiżjoni tajba li għamel il-Partit Laburista fil-Gvern: ir-Riforma tal-Ġustizzja. “Huwa dritt fundamentali li jkollna sistema tal-Ġustizzja serja u effiċjenti.”

 

 

More in Intervisti