Nifs ġdid fil-qasam tal-ġustizzja

Owen Bonnici, wieħed mill-iżgħar membri tal-kabinett tal-ministri, hu determinat li jdaħħal ir-riformi meħtieġa fil-qasam tal-ġustizzja. Bit-tieni abbozz dwar emendi fil-liġijiet imħabbar din il-Ġimgħa, il-Ministru għall-Ġustizzja lest jerfa’ r-responsabbiltà biex jara li l-bidliet meħtieġa jsiru gradwalment. Bidliet li ħafna mid-drabi qed isibu wkoll il-kunsens u l-approvazzjoni tal-Oppożizzjoni

Owen Bonnici, jiddeskrivi lilu nnifsu bħala persuna ordinarja li qed jagħmel minn kollox biex iwettaq biċċa xogħol tajba ħafna
Owen Bonnici, jiddeskrivi lilu nnifsu bħala persuna ordinarja li qed jagħmel minn kollox biex iwettaq biċċa xogħol tajba ħafna
“Il-poplu jixraqlu servizz tajjeb tal-ġustizzja u lest nerfa’ r-responsabbiltà biex nara li dan isir”
“Il-poplu jixraqlu servizz tajjeb tal-ġustizzja u lest nerfa’ r-responsabbiltà biex nara li dan isir”

Fl-aħħar jiem kellna l-każ xokkanti ta’ missier li dam sena l-ħabs innoċentament. L-attenzjoni daret fuq l-omm li ġiegħlet lil bintha tigdeb, iżda ma taħsibx li dan kien ukoll falliment tal-ġustizzja fid-dawl li bosta provi ġew injorati?
Ma nistax nikkummenta fuq każi individwali anke għaliex il-proċeduri għadhom għaddejjin. Anke l-omm jistħoqqilha fair hearing. Jekk persuna innoċenti marret il-ħabs naqbel miegħek li l-ġustizzja falliet, xi ħaġa ħażina kien hemm żgur. Iż-żmien li dan qatta l-ħabs ma tistax ittihulu lura.
Li rrid nsemmi hu li dan il-persuna mar fuq il-maġistrat u allega li hemm persuna lesta tixhed li hu kien innoċenti mill-akkużi. F’jumejn il-maġistrat rat inkjesta ta’ tliet volumi u kkonkludiet li persuna tista’ tkun il-ħabs intortament. Ir-rikorsi tal-appell instemgħu b’urġenza wkoll u ġie meħlus f’temp mgħaġġel. Naħseb li l-Qorti uriet bil-fatti li ħadet dan il-każ bis-serjetà.

Tibża’ li bħal dan il-każ jista’ jkun hemm oħrajn bħalu li magħhom ma tkunx saret ġustizzja?
Dal-każ juri li hemm rimedji, jekk ġara hekk hemm rimedji li jistgħu jintużaw. Jekk nistgħux ntejbuhom hu kapitlu ieħor, iżda għallinqas urejna li rimedji hemm diġà.

Ftit jiem ilu preżentajt it-tieni abbozz li jemenda diversi liġijiet. Jekk ikolli nsaqsik liem hi l-aktar waħda importanti u bżonjuża fl-opinjoni tiegħek?
Dan it-tieni abbozz huwa wieħed minn tlieta. L-ewwel abbozz ta’ liġi għadda f’Marzu li għadda u t-tieni wieħed mistenni jgħaddi dan ix-xahar stess. Dan hu proċess ta’ progress gradwali li se jara t-tielet abbozz jiġi preżentat fil-futur qrib.
Jekk ikolli nagħżel l-aktar emenda importanti mmur f’waħda minn tal-ewwel abbozz, dik li daħlet il-possibilità li wieħed jammetti ħtija waqt il-kumpilazzjoni. Jekk tammetti fi żmien xahar l-avukat ġenerali joħroġ il-kap tal-akkuża, b’kuntrast mal-passat li anke jekk tammetti ħtija l-kumpilazzjoni ssir xorta. Ir-rispons li rċivejna kien li wieħed tajjeb ħafna.

L-Erbgħa semmejt diversi emendi fosthom dwar stalking, bullying, kondotta eċċ. Nistgħu nsemmu xi setturi oħra li se tmisshom riforma fil-futur qarib?
Ċertament hemm bżonn riforma biex inkabbru l-effiċjenza fil-Qrati. Kritika nisma’ ħafna fuq id-dewmien tal-kawżi imma kritika fuq li l-ġudikanti ma jafux x’qed jagħmlu ma nismax. Għandna sistema ġudizzjarja garantista, li tfisser li tieħu kollox bil-mod b’tali mod li wieħed jista’ jappella u jerġa’ jappella b’konsegwenza li s-sistema tal-ġustizzja ddum. Irridu naraw li l-kwalità tas-sistema hi waħda li tibbilanċja mal-esperjenzi Ewropej. Ir-riforma trid tara dan u li tolqot ukoll id-dewmien fil-proċeduri.

“Jekk tmur il-Qorti Kriminali kull nhar ta’ Tnejn u Ġimgħa tkun qisek mort ċimiterju”

X’taħseb li qed iwassal għal dan id-dewmien biex jinqatgħu l-kawżi?
Hu riżultat ta’ ħafna ċirkustanzi differenti. Naħseb hi kwistjoni wkoll ta’ kif wieħed juża l-ħin, eżempju jekk tmur il-Qorti Kriminali kull nhar ta’ Tnejn u Ġimgħa tkun qisek mort ċimiterju. Imma sar progress fil-Qorti tal-maġistrati. Kull xahar qed niċċekja t-tendenzi ta’ kull maġistrat, ta’ kemm qed jinqatgħu kawżi. Dwar dan kuntent imma nagħmel ġudizzju biss fl-aħħar tas-sena.

Waħda mill-emendi kienet tikkonċerna d-diskrezzjoni tal-Avukat Ġenerali li jiddeċiedi jekk każ imurx quddiem ġuri jew maġistrat. Din kienet kritika li ilha ġejja bosta snin… għalfejn taħseb li ħadet daqsekk żmien?
Vera, imma ma rridx inħares lura fuq x’m’għamlux ta’ qabli għax in-nies ma jimpurtahomx x’għamel ħaddieħor. Onestament ma nafx għaliex ma sar xejn, iżda dal gvern mal-ewwel studja s-sitwazzjoni u aġixxa. Għal ewwel darba, l-avukat ġenerali issa se jkollu linji ta’ gwida li qatt ma kellu biex jgħinu jiddeċiedi. Mhux hekk biss, qed nagħtu l-opportunità li l-akkużat jista’ jappella mid-deċiżjoni tal-avukat ġenerali jekk jaħseb li dawn il-linji gwida ġew injorati.

Taqbel mad-dekriminilizzazzjoni tad-droga?
Il-gvern se jippubblika white paper dwar dan li naħseb hi mossa kuraġġuża ħafna. Nittama li din twassal għal diskussjoni matura dwar dan. Irridu li t-traffikanti tad-droga li jħaxxnu buthom bid-droga jieħdu li ħaqqhom, filwaqt li l-vittma ma jissawwatx aktar iżda jieħu l-għajnuna meħtieġa.

Int kont wieħed milli ddominajt id-diskussjonijiet tal-PAC dwar l-iskandlu taż-żejt. Illum il-ġurnata taħseb li l-maħfra mogħtija lil George Farrugia kienet ġustifikata u ħalliet il-frott?
Naħseb li George Farrugia ta informazzjoni importanti, iżda nissusspetta li seta’ ma qalx kollox. Naħseb li Farrugia jaf li jekk ma jgħidx kollox ikun qed jirriskja, għax dik tista’ twassal biex neħdulu l-proklama li ngħatatlu għal din ir-raġuni.

Kuntent bil-progress li qed isir f’dan ir-rigward?
Nixtieq li nara aktar. Irrid nagħmilha ċara li ma rridx li jsiru witch-hunts, imma iva nixtieq nara aktar riżultati. Dan hu l-appell tiegħi lill-Pulizija.

Kuntent bil-ġudikatura?
B’mod ġenerali ninsab kuntent. Fejn kellha tippronunzja ruħha għamlet hekk. Kif għedt qabel hemm bżonn li wieħed jutilizza aħjar il-ħin mingħajr ma jindaħal l-eżekuttiv. Ġudikant għandu jkollu mira ta’ kemm jaqta’ sentenzi, dawn diġà jeżistu. Il-poplu jixraqlu servizz tajjeb tal-ġustizzja u lest nerfa’ r-responsabbiltà biex nara li dan isir.

X’tirrispondi għal fatt li l-opinjoni pubblika dwar membri tal-ġudikatura ħafna mid-drabi tkun li huma ’l fuq mil-liġi speċjalment wara l-każijiet differenti ta’ Carol Peralta u Farrugia Sacco…
Mhux korrett għax mhumiex ’il fuq mil-liġi. Hemm kumitat apposta li jagħmel dixxiplina fuq il-ġudikanti li fuqu l-gvern m’għandu l-ebda awtorità biex jiggarantixxi l-awtonomija tal-kumitat. Hemm il-kritika li l-kumitat m’għandux biżżejjed poteri. Naħseb li biex jeżerċita dixxiplina fuq il-ġudikanti għandhom jiddaħħlu aktar miżuri bħal tnaqqis fil-pagi għax mhux kollox jinħtieġ tkeċċija. Dwar dan qed nitkellmu mal-oppożizzjoni u jidher li bil-mod qed naslu. Dwar il-każ ta’ Carol Peralta li għamel festin fil-Qorti għadu għaddej il-proċess li nispera li jiġi konkluż malajr.

Il-Gvern kif beħsiebu jimxi fil-konfront ta’ Farrugia Sacco?
L-imħallef qed jallega li l-parlament kien ħa jikser d-drittijiet fundamentali tiegħu, kif għamlu wħud quddiem il-PAC fuq l-iskandlu taż-żejt ħabba punti legali differenti. Aħna għednilom imorru l-Qorti u jiġi deċiż jekk għandhomx raġun. Issa hemm il-kritika li Farrugia Sacco għandu t-terminu tiegħu li jispiċċa f’Awwissu u għalhekk hemm bżonn li l-proċeduri jsiru b’ħeffa. Imma nappella lill-oppożizzjoni għal maturità. Jekk ikollok xi ħadd li jallega ksur tad-drittijiet fundamentali ma tistax tibqa’ għaddej. Nistennew jekk il-Qorti ttihx raġun u filkas nipproċedu, iżda mhix kwistjoni li l-ġudikanti huma ’l fuq mil-liġi.

Tħoss li wasal iż-żmien li jsir tibdil dwar il-mod kif jinħatru u jitneħħew membri tal-ġudikatura?
Dan hu argument li ilu jissemma ħafna anke fir-rapporti ta’ Franco Debono u ta’ Giovanni Bonello. Għadna qed nitkellmu dwar dan mal-oppożizzjoni u l-ġudikanti. F’din il-leġislatura stess se nippreżentaw abbozz b’emendi kostituzzjonali li għadna qed nistudjawhom bir-reqqa.

Kif imxiet l-oppożizzjoni fuq is-settur tal-ġustizzja matul l-aħħar sena u nofs? Kienet kostruttiva?
Ġenwinament naħseb li fl-emendi kostituzzjonali kienet kostruttiva. Infatti fuq ħafna emendi vvutat favur, u għalija li l-parlament kollu jkun favur tagħtini ċertu sodisfazzjon u kuraġġ biex nibqa’ għaddej. Iżda mbagħad fid-diskors tagħhom ikunu kkargati u jużaw il-ħin biex jippruvaw jagħmlu ħafna attakki politiċi. Naħseb li kif intwera bir-riżultat tal-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, il-poplu jixtieq aktar djalogu u kritika kostruttiva.

 

More in Intervisti