Nilħqu ż-żgħażagħ billi niftħu ‘każin’ fuq Facebook
Matthew Agius mhux ġej minn xi familja tradizzjonalment segwaċi fil-politika imma minn meta kien il-Junior College u l-Università dejjem interessa ruħu u involva lilu nnifsu f’dak kollu li kellu x’jaqsam maż-żgħażagħ għax jemmen li fil-ħajja flok wieħed igerger jista’ jagħti sehmu. Iħares lejn Eddie Fenech Adami bħala l-idolu politiku tiegħu għax irnexxielu jagħmel diversi tibdiliet mhux biss mil-lat politiku imma anke soċjali kif ukoll għal viżjoni tiegħu dwar il-politika Ewropea u d-dħul ta’ Malta bħala membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea.
minn Frederick Attard
Fl-aħħar laqgħa annwali tal-MŻPN, Simon Busuttil stieden liż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom fil-Partit Nazzjonalista u biex jagħmlu d-Dar Ċentrali darhom. Kif qed tmexxi ’l quddiem din ix-xewqa tal-Kap?
B’diversi modi. Qegħdin niltaqgħu ma’ firxa differenti ta’ żgħażagħ u qed inħarsu lejn kull min jista’ jagħti sehmu u għalhekk qed inħarsu oltre mill-Università u postijiet akkademiċi. Qed niltaqgħu ma’ żgħażagħ li jaħdmu f’fabbriki inkluż oħrajn li forsi ma tantx komplew skola imma qed jaħdmu f’xi negozju tal-familja. Qed niftħu l-format tal-MŻPN fejn mhux se jkun hemm biss dawk fl-eżekuttiv imma magħna jkun hemm ħafna oħrajn li jixtiequ jkunu parti minn dan il-moviment. L-idea tagħna hi li jkun hemm ferm aktar żgħażagħ li jagħtu sehem u jikkontribwixxu fid-diversi organi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista inkluż f’kumitati sezzjonali fejn jien qed ninsisti li terz ta’ dawn il-kumitati jkunu żgħażagħ. Hemm ukoll il-kumitati distrettwali u allura iva qed nimxu max-xewqa tal-Kap Simon Busuttil li nressqu ferm aktar żgħażagħ lejn il-partit.
Matul il-kampanja għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, smajna lil Simon Busuttil juża frażijiet bħal: it is not very cool to be Labour u wake up and smell the coffee. Ir-riżultat wera li fil-verità, il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn iqum u jxomm il-kafè forsi jistejqer . . .
Nemmen li filwaqt li l-partit għandu jkompli bil-ħidma tiegħu, fejn matul din l-aħħar sena ħriġna u ltqajna ma’ diversi nies biex smajniehom u kellimniehom, issa rridu naraw wkoll kif se nilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. Tinkwetani ħafna li kien hemm ammont sostanzjali ta’ nies li ma ħarux jivvutaw u allura hemm bżonn li nistaqsu għaliex dawn ma ħassewx din il-ħtieġa. Aħna bħala partit żgur li rridu nagħmlu ferm iżjed biex dik il-persuna li ma ħarġitx tivvota nikkonvinċuha li hu fl-interess tagħha li tivvota u tivvota għal partit Nazzjonalista.
Imma kif diġà għidt inti stess, il-partit ilu iktar minn sena jitkellem u jiltaqa’ man-nies, taħseb li l-Partit Nazzjonalista se jirnexxilu jerġa’ jqum fuq saqajh?
Jien nemmen li se jirnexxilu. Jekk nitilqu mill-punt tal-elezzjoni ġenerali, fejn immedjatament wara r-riżultat beda l-proċess ta’ tranżizzjoni biex isir it-tibdil intern, kellek il-bidla fit-tmexxija ġdida u l-problemi finanzjarji li b’xi mod kollha affetwaw il-fiduċja fl-istituzzjoni tal-Partit Nazzjonalista. Bħal ma jiġri f’kull bidla, n-nies trid iż-żmien biex tidra u taċċetta l-bidla u jista’ jkun li bil-kriżi finanzjarja tal-partit, il-fiduċja kompliet titnaqqar. Iżda x-xogħol beda u avolja f’sena biss l-affarijiet illum huma ferm aħjar jew ikkontrollati aħjar milli kienu.
Imma issa li fadal ftit aktar minn tliet snin u nofs għall-elezzjoni ġenerali, x’inhuma l-affarijiet li int tissuġġerixxi lil Simon Busuttil bħala importanti biex forsi l-partit jirkupra?
Kemm bħala President tal-MŻPN u kemm bħala moviment, nikkonfermalek li aħna għandna dan it-tip ta’ djalogu mal-Kap. Jiena naħseb li waħda mill-affarijiet li hemm bżonn issir, qed nitkellem fuq politika ġenerali, hi li nibdlu l-mod kif naħsbu, mhux li nibdlu l-affarijiet imma hemm bżonn li nagħmlu kritika mingħajr ma nkunu daqshekk negattivi. Ma jfissirx li ma nitkellmux jew li nibżgħu li niġu mlaqqma bħala negattivi, imma li nagħmlu l-punt tagħna ċar billi jkollna qabża fil-ħsieb ta’ kif inwasslu l-messaġġ. Il-messaġġ tagħna jrid ukoll jieħu inkonsiderazzjoni l-ħsieb u l-aspirazzjonijiet tan-nies meta nippreżentaw il-kritika tagħna. Irridu għalhekk nikkomunikaw aħjar ma’ kulħadd u li ninvolvu aktar liż-żgħażagħ fl-istrutturi tagħna u f’dak kollu li qegħdin nagħmlu.
Imma ma taħsibx li intom iż-żgħażagħ aċċettati biżżejjed?
Mhux qed ngħid li m’aħniex aċċettati. Li qed ngħid hu li anke l-mod kif naħsbu bħala partit, irridu naraw li ż-żgħażagħ meta jkunu involuti fil-partit, nilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom biex huma jkunu fuq quddiem nett biex iwasslu l-messaġġ għand in-nies.
X’tikkummenta fuq id-dominanza tal-familji De Marco, Fenech Adami u Mifsud Bonnici fil-partit u fuq Simon Busuttil?
Naf li l-perċezzjoni hemm barra forsi hi li dawn il-kunjomijiet għandhom xi dominanza imma min bħali jaħdem mill-viċin ma’ dawn l-individwi jara li kull persuna għanda l-kwalitajiet u l-ħiliet tiegħu jew tagħha irrispettivament mill-kunjom. L-importanti hu li nżewqu l-ħiliet kollha flimkien għax kulħadd għandu x’joffri madwar il-mejda. Fir-rigward ta’ Simon Busuttil, naħseb li hu karattru fil-politika Maltija li kellu immaġni pożittiva, speċjalment rigward il-ħiliet tiegħu fl-Ewropa u llum dan l-istess persuna qed juża din l-immaġni pożittiva gradwalment biex ibiddel dak li hemm bżonn fil-partit. Ħa nsemmi eżempju żgħir, dik li kienet magħrufa bħala l-prietka politika ta’ kull nhar ta’ Ħadd fil-każini. Simon ħa l-ewwel pass biex din tinbidel. Hemm ukoll l-aħbar ta’ ftit jiem ilu dwar il-qbil mal-gvern fuq iċ-ċelebrazzjoni tal-Indipendenza. Dawn huma kollha passi pożittivi.
Imma temmen li kien pass tajjeb li Simon Busuttil spiċċa b’żewġ viċi-kapijiet daqshekk b’saħħithom imdendlin miegħu?
Kif għidtlek, jien nippreferi nħares lejn l-individwi u l-kapaċitajiet tagħhom aktar milli nħares lejn xi dinastija ta’ xi familja. Naħseb il-partit dejjem kien kapaċi jżewwaq il-kapaċitajiet ta’ dawn it-tnejn flimkien u hekk nemmen li qed isir u se jkompli jsir. L-importanti jibqa’ li kulħadd iżomm l-aħjar interess tal-partit fi ħsiebu. Veru li hemm ħsibijiet liberali minn naħa u l-ħsibijiet konservattivi minn naħa oħra imma dan il-kunċett jeżisti fil-partit mhux għaż-żewġ familji li qed issemmi int. Dan il-kunċett jeżisti bħala parti minn proċess demokratiku fil-partit u joffri sfida fil-ħsieb kif ukoll joffri opportunità biex iż-żewġ naħat isemmgħu l-opinjonijiet u l-veduti tagħhom sabiex ħadd ma jibqa barra.
Qed jingħad issa li l-Partit Nazzjonalista se jappunta CEO . . .
Dik hija deċiżjoni li għadha mhijiex konfermata però hija funzjoni ta’ immaniġġjar amministrattiv li forsi qabel ma kinitx tingħata l-attenzjoni kollha minħabba l-element politiku. Illum Chris Said qed jagħmel xogħol impekkabbli u xorta hu jibqa inkarigat imma dan ir-rwol jista’ jgħin biex ċerta affarijiet amministrattivi jitmexxew aħjar minn forsi kif kienu jsiru qabel. Chris Said b’kapaċità poġġa l-qafas u issa hemm bżonn ta’ xi ħadd li jista’ jmexxi dan ir-rwol ’il quddiem.
Hemm ukoll il-ħsieb li l-mezzi tax-xandir tal-partit jinbidlu, x’se naraw?
Inkun onest miegħek li għad m’għandix id-dettalji però naħseb li din is-sena diġà bdejna ftit aħjar u kellna programmi bħal .NET li ġab ċerta ratings li kienu ferm ta’ inkoraġġiment. Iżda iva hemm bżonn ta’ dehra friska fuq kif inwasslu l-messaġġ permezz tal-mezzi tax-xandir tal-partit sabiex il-prodott tagħna jkollu firxa usa’.
“L-aspirazzjoni tiegħi hi li nara l-PN jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss”
Hu fatt magħruf li l-partit hu nieqes mill-finanzi wara snin ta’ tberbiq. Issa hemm il-ħsieb li l-partit ibigħ jew jikri numru ta’ propjetajiet li preżentament huma Każini Nazzjonalisti…
Naħseb li f’dan l-istadju, għalkemm jaf forsi jkun ta’ weġgħa, speċjalment meta jkollok xi ħaġa li tkun ilek taħdem għaliha, però minn naħa l-oħra meta jkollok sitwazzjoni finanzjarja li hi dik li hi, wieħed allura jrid jibda jħares lejn l-affarijiet b’mod differenti. Din ukoll hi xi ħaġa li trid tkun ikkomunikata tajjeb speċjalment ma’ dawk li tant ħadmu fil-passat sabiex il-partit ikollu dawn il-propjetajiet.
Taħseb li għad fadal lok għal każini? Għad fadal żgħażagħ jiffrekwentaw il-każini?
F’ċerta każi u f’ċerta lokalitajiet forsi iva għad fadal lok ta’ każini, speċjalment f’żoni rurali, imma llum irridu nidentifikaw kull lokalità individwali u naraw in-nies ta’ kull lokalità fejn jiltaqgħu u x’jippreferu. Iż-żgħażagħ tal-lum huma aktar midħla tal-mezzi soċjali u għalhekk biex nilħqu ż- żgħażagħ, irridu nifthu każin’ fuq Facebook għax hemm issibhom.
Bl-argument allura li ż-żgħażagħ tal-lum jgħixu l-internet, l-MŻPN għandu sit li kull ma fiha hi paġna waħda b’introduzzjoni qasira u invit għat-tessera tal-partit…
Iva dan għaliex s’issa bħala MŻPN aktar iffukajna fuq il-paġna fuq Facebook milli s-sit. Imma nikkonfermalek li għandna proġett biex dak is-sit issir waħda aktar innovattiva u interattiva fil-futur viċin.
X’inhuma l-aspirazzjonijiet personali tiegħek fis-snin li ġejjin?
Ma nħobbx nispekula fuq aspirazzjonijiet personali però li nista ngħidlek illum hu li l-aspirazzjoni tiegħi bħala President tal-MŻPN hi li nara l-partit Nazzjonalista jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
M’aħniex se narawk kandidat fl-elezzjoni ġenerali li jmiss?
Nimxi skont il-ħtiġijiet tal-partit.
Imma jekk isejħulek formalment biex toħroġ bħala kandidat x’tagħmel?
Jekk isejħuli biex inkun kandidat fejn jien inħoss li nista’ nagħti kontribut lill-partit, m’għandix għalfejn ngħid le.