“Il-politika m’għandhiex tkun parti mill-Korp”
Il-Kummissarju tal-Pulizija dwar it-tmexxija tal-Korp, l-iskandlu taż-żejt u l-każ Dalli
minn Jerome Caruana Cilia
Il-Kummissarju l-ġdid Peter Paul Zammit, li nħatar f’April tas-sena l-oħra mill-Prim Ministru Joseph Muscat, huwa mimli ħeġġa, sabiex skont hu, jagħmel il-bidliet tant meħtieġa fil-Korp tal-Pulizija.
Zammit ingħaqad mal-Korp tal-Pulizija fl-1984 bħala Spettur u kien promoss għal grad ta’ Supretendent dsatax-il sena wara. Bejn l-1997 u s-sena 2000 hu studja Baċellerat fil-Liġi u Studji Umanistiċi, kif ukoll il-kors ta’ Diploma ta’ Prokuratur Legali fl-Università ta’ Malta.
Minkejja li kontra qalbu, Zammit irtira mill-Korp tal-Pulizija fl-2009, wara 25 sena servizz. Matul dawn is-snin, huwa serva f’numru ta’ għases tal-Pulizija mferrxa mal-pajjiż, kif ukoll fid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, fil-Laboratorju Forensiku u fl-Uffiċċju Legali tal-Korp.
Il-Kummissarju Zammit qal li qed jagħmel li jista’ sabiex iqajjem l-esprit de corps fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Hu qal li ħadem bis-sħiħ sabiex itejjeb ir-relazzjoni tal-Korp mal-mezzi tax-xandir. “Ħriġt idejja għall-mezzi tax-xandir. Fil-fatt, f’dawn l-aħħar xhur għamilt numru sew ta’ intervisti.”
Importanti li naraw mhux sempliċiment kemm ressaqna nies il-Qorti, sostna Zammit, imma kemm il-pulizija frankat problemi u fuq kollox kemm għenet persuni.
“Ix-xogħol tal-pulizija huwa varjat ħafna. Minn xogħol ta’ mekkanik għal dak ta’ mastrudaxxa. Min jagħti fjuwil lill-karozza u min isuq il-karozza. Min jgħin lin-nies u ovvjament nibqgħu sejrin sax-xogħol tal-Qorti.”
Il-Kummissarju semma kif għall-ewwel darba, il-Korp tal-Pulizija fetaħ paġna fuq Facebook, fejn qed jintwerew diversi aspetti tal-Korp. “Qed ngħaddu messaġġi importanti ħafna, fost oħrajn dwar l-effetti tax-xorb eċċessiv u t-texting waqt is-sewqan.”
Il-Kummissarju qal li sal-aħħar ta’ dan ix-xahar qed jistenna li l-parti residenzjali tal-Akkademja tal-Pulizija tkun lesta. Għal nofs Frar irid jibda d-dħul ġdid fil-livell ta’ kuntistabbli u spetturi fil-Korp, sostna Zammit.
Iżda fil-Korp mhux kollox ward u żahar. L-iktar ħaġa li kienet u għadha ddejqu fil-Korp tal-Pulizija hija l-politika. “Jiena nemmen li l-politika m’għandhiex tkun parti mill-Korp tal-Pulizija. Għaliex li l-pulizija jimxi ma’ xi ħadd b’xi forma ta’ diskriminazzjoni, anke dik politika, dan huwa ksur ta’ liġi. Aħseb u ara kieku internament bejnietna nimxu b’din id-diskriminazzjoni. Dan hu delitt kriminali.”
Zammit spjega kif il-fehma legali dwar il-mibegħda razzjali, huwa ħafna iktar miftuħ milli sempliċiment razza. Dan jinkludi, l-fehmiet politiċi u reliġjużi tal-individwu. Hu tenna kemm huwa importanti ħafna, li l-politika tinżamm ‘il bogħod kemm jista’ jkun mill-Korp tal-Pulizija.
Peter Paul Zammit qal li wara li ħadem fil-qasam tal-mediċina u l-maniġment xtaq jidħol fil-Korp. Meta ġie f’idejh il-Police and Criminal Evidence Act tal-1984 hu nduna kemm il-Korp Malti kellu nuqqasijiet kbar. Hu qal li beda ġlieda interna fil-Korp sabiex il-Pulizija jibdew imorru l-Università.
“Jiena gradwajt fis-sena 2000 u litteralment mill-għada ntbgħatt fil-Prosecution Unit tal-Pulizija. Fi żmien qasir gradwaw tlettax-il avukat fil-Korp. Iżda sfortunatament, ma nafx għal liema raġuni, dawn ma ngħatawx kariga ta’ dan it-tip fil-Korp. Ma ridux li jimxi 'l quddiem dan il-pjan ta’ Prosecution Unit serja, billi jkollok prosekuzzjoni mmexxijja min-nies gradwati. Ovvjament, dawn il-pulizija gradwati bdew jitilqu.”
Semma kif hu kien pijunier biex jikkoordina laqgħat tal-Commonwealth mal-Ġnus Magħquda u kif ukoll wettaq ħidma intensiva meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea.
“Kien hemm numru ta’ nuqqasijiet fis-sistema legali tagħna, speċjalment fid-dritt għall-avukat. Bdejna naqilgħu ħafna ċamati mill-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward. Dak kollu li kellu jsir, fl-aħħar tmien snin baqa’ ma sarx. Allura jien iddeċidejt li nkun iktar komdu naħdem barra mill-Korp. Rajt illi minn ġewwa ma stajtx immexxi iżjed fuq dawn iż-żewġ direzzjonijiet: Prosecution Unit kif suppost u d-dritt għall-avukat.”
Dwar l-investigazzjoni marbuta mal-iskandlu taż–żejt u d-dikjarazzjonijiet li ħarġu dan l-aħħar fil-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi, PAC, dwar ix-Xiri taż-Żejt, il-Kummissarju qal li dawn id-dikjarazzjonijiet mhumiex ġodda iżda mistennija. Hu qal li l-isfortuna tal-investigazzjoni oriġinali, hi li kienet kemxejn mgħaġġla f’diversi aspetti u ma kelliex iċ–ċans li tidħol fl-irqaqat.
“Issa l-PAC qiegħed jagħmel dan b’aktar intellett u studju. Dan wara li diversi persuni jkunu raw dokumentazzjonijiet varji. Għalkemm fl-investigazzjoni oriġinali kien hemm ħames persuni jmexxu, l-ispeċjalizzazzjoni neċessarja tagħhom ma kenitx waħda speċifika għal dak ix-xogħol.”
Hu fisser kif pereżempju ċerta xogħol għaddih lil min hu espert u speċjalizzat fis-servizzi bankarji.
Il-Kummissarju Zammit kien mistoqsi wkoll dwar l-investigazzjoni li tmexxiet mill-Aġenzija Ewropea ta’ Kontra l-Frodi, l-OLAF, u Giovanni Kessler fuq il-każ li wassal għar-riżenja ta’ John Dalli minn Kummissarju Ewropew. Hu sostna li l-mod ta’ kif saret din l-investigazzjoni, ma saritx bil-għanijiet ta’ ġbir ta’ prova f’dak li hu meqjus l-iktar kamp diffiċli, il-kamp kriminali. Fil-qasam kriminali, kompla, jeħtieġ li jkollok il-beyond resonable doubt. Iżda fil-qasam amministrattiv, din hi sempliċiment kwistjoni ta’ probabbiltà.
“L-investigazzjoni ta’ Giovanni Kessler kienet u tibqa’ waħda amministrattiva. Il-mod ta’ kif saret din l-investigazzjoni u kif inġabru dawn il-provi ma jiswew xejn, ħlief li huma indikattivi ta’ dak li ġara.”
Hu sostna li ma ħassx li kellu jasal fil-punt, li l-Pulizija tressaq persuna fil-Qorti meta ma kelliex provi kriminali dwarha. “Kellna biss assunzjonijiet.”
Il-Kummissarju spjega kif il-provi li hemm dwar il-każ Dalli, huma amministrattivi u mhux biżżejjed għall-akkuża kriminali.
Iżda, Zammit saħaq li l-Korp tal-Pulizija għadu għaddej u jibqa’ għaddej bl-investigazzjonijiet sakemm jasal għall-konklużjoni finali dwar dan il-każ. “Madankollu, irridu noqogħdu attenti sabiex ma nirfsux l-investigazzjoni tal-Qorti li għaddejja bħalissa.”
Staqsejtu dwar l-ispettur Elton Taliana, li allegatament hu involut f’kontroversji dwar hold-ups.
“Dan il-każ ma jistax jingħalaq”, qal Zammit. “Dan għaliex hemm proċeduri li għadhom għaddejjin. Meta effettivament ikun hemm il-kwistjoni kollha magħluqa mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, ikun hemm id-deċiżjoni finali.”
“Ħaġa tal-iskantament, ma’ Simon Busuttil qatt ma kelli diskussjonijiet fuq ix-xogħol jew l-andament tal-Korp.” Peter Paul Zammit
Dwar il-kritika li rċieva għall-fatt li hu viċin ħafna tal-Gvern Laburista, il-Kummissarju qal li mhux komdu b’dawn l-insinwazzjonijiet.
“Jien qatt ma kont viċin tal-Gvern. Meta ġejt maħtur bħala Kummissarju, ħafna staqsew min jien. M’iniex qrib il-Gvern kif qed jgħidu. Iktar nista’ ngħid li l-Gvern qrib tiegħi għaliex għandu fiduċja fija, milli jien xi parti integrali minn xi magna politika.”
L-ordnijiet li jieħu huma dwar il-politika u d-direzzjoni tal-Gvern. “S’issa qatt ma ngħatajt ordnijiet dwar xi investigazzjoni partikolari. Min-natura tiegħi, jien l-ordnijiet idejquni, speċjalment meta dawn ikunu bla sens u ma jkunx hemm raġuni valida warajhom.”
Hu enfasizza li qatt ma kellu ndħil f’xogħlu. “Indħil f’xogħli kif xi ħadd allega fit-trasferimenti u kif qalu dwar ċerta investigazzjonijiet, la qatt kelli u lanqas nippretendi li jkolli.”
Iżda minkejja li jiltaqa’ ma membri tal-Gvern b’mod regolari sabiex jiddiskuti magħhom il-ħidma fil-Korp, ma jistax jgħid hekk vis-à-vis l-Oppożizzjoni. Mal-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Intern, Jason Azzopardi, il-Kummissarju tal-Pulizija ġieli ltaqa’ miegħu l-Qorti qabel ma nħatar Kummissajru. Kienu jitkellmu bħala żewġ prattikanti tal-liġi. “Kemm ilni li lħaqt Kummissarju tal-Pulizija forsi tkellimna darbtejn, tlieta. Imma tkellimna dwar affarijiet li mhumiex relatati max-xogħol.”
Iżda Zammit qal li qatt ma ltaqa’ u tkellem mal-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, dwar il-ħidma fil-Korp. “Ħaġa tal-iskantament, ma’ Simon Busuttil qatt ma kelli diskussjonijiet fuq ix-xogħol jew l-andament tal-Korp.”
Dwar il-ġudikatura, Zammit qal li ntalab sabiex jagħti l-veduti tiegħu quddiem il-Kummissjoni għar-Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja. “L-iktar ħaġa importanti hu li jkun hemm diskussjoni aperta. Dawn mhumiex affarijiet li jsiru wara l-bibien magħluqa. Jekk hemm xi ħadd li jistħi jgħid l-opinjoni tiegħu, problema tiegħu.”
Hu sostna li hemm bżonn li tiżdied il-maġistratura, riforma dwar kif issir il-ġustizzja kriminali, tkellem ukoll dwar il-problema tad-dewmien u l-proċess burokratiku li jkollna nħabbtu wiċċna miegħu. Minħabba li ħadem f’dan il-kamp fuq iż-żewġ naħat, jista’ japprezza iżjed il-pożizzjoni ta’ kulħadd. “Jiena ħdimt mhux biss bħala prosekutur u bħala difiża, iżda ħdimt ukoll fit-tielet kamp, dak tal-vittma. Allura nista’ nifhem aħjar il-problemi tagħhom.”
Il-Kummissarju tenna li jaħdem ħafna mill-qrib mas-Servizz Sigriet. Minbarra l-fatt li s-Servizz Sigriet għandu poteri li hu bħala Kummissarju m’għandux, dawn jistgħu jkunu ta’ għajnuna kbira lill-pulizija. “Naħdem tajjeb ħafna mal-Kap tas-Servizz Sigriet, Michael Cassar. Nifthemu u nimxu. In-nies tagħna ngħidulhom kelma u jmexxu għaliex hemm kooperazzjoni kbira. Ir-riżultati qed narawhom, għax il-każijiet il-kbar dejjem għamilniehom flimkien.”
“L-investigazzjoni ta’ Kessler kienet u tibqa’ waħda amministrattiva” Peter Paul Zammit
Meta nqabblu dak li jiġri f’Malta ma' pajjiżi oħrajn, pajjiżna huwa sigur ħafna. Hu spjega kif il-livell ta’ kriminalità f’Malta huwa baxx. Iżda fadal ħafna xi jsir. “Nixtieq li nerġa’ mmur lura għal żmien in-nanniet tagħna, meta konna nħallu ċ-ċavetta fil-bieb ta’ barra. Kemxejn utopika, iżda jekk il-pulizija u s-soċjetà jaħdmu flimkien, mhix xi ħaġa impossibbli.”
Dwar il-problema tad-droga f’pajjiżna, hu qal li m’għandniex sistema bil-barunijiet bl-għalqa tagħhom kif hemm barra minn Malta. Zammit qal li f’dan il-qasam hemm kooperazzjoni kbira mill-pubbliku.
“Kuljum nirċievi madwar tlieta, erba’ ittri dwar persuni li allegatament ikunu qed jittraffikaw jew huma involuti fil-qasam tad-droga.”
Fuq kollox, jeħtieġ li nedukaw lill-pubbliku dwar l-effetti negattivi tad-droga u l-ħsara li tagħmlilhom. Iżda mhux biss, hu qal li “rridu nedukaw liż–żgħażagħ li jekk għandhom problema, jeħtieġ li jaffaċċjawha u mhux jaħarbu minnha.”
Fl-aħħar staqsejtu dwar il-korruzzjoni fil-Korp tal-Pulizija. Il-Kummissarju sostna li rridu nagħmlu differenza bejn il-pulizija li żbalja u min jibqa’ jippersisti fl-iżball.
“Kristu li għażel it-tnax-il Appostlu wkoll sab tlieta li ċaħduh u wieħed wasal fejn kellu jasal.”
“Il-fatt hu li l-ħażin huwa dejjem mas-saqajn”, qal Zammit. “Meta wieħed jibqa’ jippersisti fl-iżball tiegħu, hemmhekk nimxu mod ieħor.”
Età – 54 sena Fejn tgħix – Marsaskala Ikel favorit – Frott tal-baħar Ktieb li qed taqra – Shadow of the Almighty Favur jew kontra l-ewtanasja volontarja? – Kontra, għaliex favur il-ħajja |